Madwar 130 magna antika miġbura f’kollezzjoni privata, li John Hili għandu qrib id-dar tiegħu f’Ħal Luqa wara li rrestawrahom personalment.
Magni li John, eks ħaddiem tat-Tarzna u li mbagħad kien jaħdem għal rasu fl-inġinerija, iżommhom b’għożża daqslikieku huma t-tfal tiegħu. Il-magni kollha kienu jintużaw f’Malta, ħafna minnhom abbord ajruplani, vapuri jew bastimenti.
L-aktar waħda antika tmur lura għall-1896, li oriġinarjament kienet tintuża’ fiż-Żurrieq biex titħan il-qamħ. Spjega magħna li bħalha hawn biss ħamsa tal-istess ditta madwar id-dinja, f’mudelli simili.
John spjega li oriġinarjament, dawn il-magni kienu jaħdmu bil-fwar jew bil-pitrolju għax dak iż-żmien, il-petrol u d-diesel lanqas biss kienu għadhom jeżistu.
Numru ta’ magni oħrajn huma tal-bidu tas-seklu 20, hekk kif grazzi għar-restawr li jagħmel volontarjament, jerġgħu jieħdu l-ħajja mill-ġdid u llum reġgħu jaħdmu bħal dak iż-żmien.
Fil-maħżen żgħir tiegħu, John jagħmel ix-xogħol kollu li jkun hemm bżonn wara li jsib xi fdalijiet meħtieġa minn ‘scrapyard’ jew f’xi magni antiki oħra. Iżda ma’ din il-ħidma, hu ra wkoll li jiġbor l-istorja ta’ kull magna.
Madankollu, John jesprimi l-inkwiet tiegħu ta’ x’se jiġri minn dawn il-magni u oħrajn li jeżistu f’kollezzjonijiet privati, ladarba hu jew is-sidien l-oħra ma jibqgħux magħna.
Dwar dan, hu appella biex f’pajjiżna jittella’ Mużew Nazzjonali, li jagħti dehen lill-inġinerija użata dawk iż-żminijiet.
B’emozzjoni u mħabba lejn dan ix-xogħol, hu jtenni li f’każ li jkun hemm Mużew, din l-istorja tal-industrija Maltija tibqa’ ħajja għal dejjem u titgawda mill-poplu.
Fost ħidmiet oħrajn, John Hili qed jibni wkoll kopja preċiża tal-ewwel karozza li Henry Ford kien lesta fl-ewwel snin tas-seklu 20.
Din il-kopja preċiża qed issir skont id-daqsijiet użati minn Ford u t-tim tiegħu aktar minn 100 sena ilu, b’biċċiet maħluqa skont id-daqs oriġinali.





















