Internazzjonali

Rebħa għal Erdogan li tintroduċi era ġdida għall-Presidenza Torka

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qed jassumi poteri eżekuttivi ġodda u estensivi wara li kiseb rebħa ċara fl-elezzjoni tal-Ħadd għall-Presidenza ta’ pajjiżu.

Intant, il-Parlament f’Ankara tilef mis-saħħa oriġinali, waqt li spiċċat il-kariga tal-Prim Ministru. Dan meta qed jidħlu fis-seħħ il-miżuri approvati waqt ir-referendum kontroversjali tas-sena l-oħra fit-Turkija.

Min-naħa tiegħu, Muharrem Ince, il-kandidat tal-Oppożizzjoni għall-Presidenza u r-rivali ta’ Erdogan, wissa li t-Turkija, issa, qed tidħol ‘f’perjodu perikoluż fejn raġel waħdu għandu poter ta’ tmexxija assolut’.

Erdogan rebaħ kważi 53 fil-mija tal-vot fl-aktar elezzjoni missielta għal snin fit-Turkija. Intant, Ince kiseb biss 31 fil-mija tal-vot minkejja l-folol kbar li attendew għar-rallies tiegħu qabel l-elezzjoni.

Filwaqt li l-President Erdogan għandu appoġġ sod f’pajjiżu, hu qed imexxi kampanja ripressiva kontra l-avversarji politiċi, b’għexieren ta’ eluf minnhom jispiċċaw il-ħabs.

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, kien fost l-ewwel mexxejja li awguraw lil Erdogan għar-rebħa, iżda xi mexxejja tal-Punent dehru kawti fir-reazzjonijiet tagħhom.

Waqt id-diskors tar-rebħa tiegħu, Erdogan ħalef ‘li jdaħħal is-sistema Presidenzjali ġdida malajr kemm jista’ ikun’. Dan meta l-bidliet fil-Kostituzzjoni, fost oħrajn, jagħtu l-poteri lill-President biex jaħtar direttament lill-uffiċjali (inklużi Ministri) ewlenin tal-pajjiż waqt li jintervjeni fis-sistema legali tat-Turkija.

Erdogan kien il-Prim Ministru tat-Turkija għal ħdax il-sena qabel laħaq President fl-2014. Taħt il-Kostituzzjoni ġdida, hu jista’ jikkuntesta għal tielet mandat tal-Presidenza ladarba jiskadi l-mandat attwali fl-2023.

Sadanittant, l-Alleanza fil-Gvern immexxija mill-Partit Iżlamiku (AK) ta’ Erdogan kisbet maġġoranza fl-elezzjonijiet għall-Parlament li wkoll saru nhar il-Ħadd. Il-Partit AK kiseb 53 fil-mija tal-vot popolari u madwar 343 siġġu fl-assemblea ta’ Ankara. Il-Partit CHP u l-alleati tal-Oppożizzjoni rebħu biss 33 fil-mija tal-vot ( u 190 siġġu).