Il-Ministru Taljan għall-Intern Matteo Salvini żar il-Libja fejn kellu taħditiet ma’ uffiċjali ewlenin tal-Gvern Libjan li qed igawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti. It-taħditiet ikkonċentraw fuq l-immigrazzjoni illegali meta Salvini, li jmexxi l-Partit Taljan tal-Lega, qed jippromwovi t-twaqqif ta’ ċentri għall-ipproċessar ta’ immigranti lejn in-nofsinar tal-fruntieri tal-Libja.
L-għan taċ-ċentru hu biex jitrażżnu l-attentati tal-immigranti biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa. Dan meta l-Partit tal-Lega qed imexxi politika kontra l-immigranti li qegħdin jaħarbu mill-Afrika.
Il-Lega ta’ Salvini qed iħeġġeġ ukoll lill-Unjoni Ewropea biex tirrevedi l-politika tagħha għal dawk l-immigranti li qed ifittxu l-kenn politiku fil-pajjiżi tal-Ewropa.
Sadanittant, il-Partit tal-Lega, li qed imexxi l-Italja f’koalizzjoni mal-Partit Cinque Stelle, għamel il-kisbiet fl-elezzjonijiet lokali li saru fi tmiem il-ġimgħa. Ir-riżultat isaħħaħ il-pożizzjoni ‘anti-immigranti’ tal-Lega li issa, ħadet f’idejha numru ta’ kostitwenzi li qabel kienu fortizzi taċ-ċentru-xellug Taljan.
Matteo Salvini ilu jinsisti biex l-Unjoni Ewropea ‘tagħmel aktar’ biex tgħin lil-Libja ħalli twaqqaf lill-immigranti li qegħdin jitilqu minn xtutha bid-dgħajjes lejn l-Ewropa. Hu, fl-istess ħin, irid li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jirriformaw ir-regoli għall-immigranti li, ġimgħa wara l-oħra, qegħdin jagħmlu l-vjaġġi perikolużi fil-Mediterran
L-Italja, mill-2014 ‘il hawn, daħħlet madwar 650,000 immigrant li kienu waslu hemmhekk bid-dgħajjes.
//= $special ?>

