Id-Deputat Simon Busuttil ingħata raġun u rebaħ ħames kawżi ta’ libell fil-konfront tal-Orizzont, it-Torċa u l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni tal-Partit Laburista.
Il-Qorti sabithom ħatja li xandru aħbarijiet malafamanti fil-konfront ta’ Simon Busuttil u kkundannathom biex iħallsu €7,000 f’danni.
Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2015 fejn f’rapport fit-Torċa, sussegwentement ippubblikat fl-Orizzont u mxandar fuq il-media Laburista, kien allegat li qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Gaffarena u ibnu Marco iltaqgħu ma’ Simon Busuttil.
L-Artiklu kien jallega li Simon Busuttil, dak iż-żmien Viċi Kap tal-PN, kien allegatament qal lil Gaffarena li kien se jinħarġilhom il-permess tal-pompa tal-petrol fil-limiti ta’ Ħal Qormi jekk iħallsu somma flus.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, qalet li x-xhieda tal-eks Ministru Joe Cassar, li kien allegatament organizza din il-laqgħa fid-Dar Ċentrali, kienet ferm iktar konsistenti u kredibbli mill-versjoni li taw Joseph u Marco Gaffarena.
Il-Qorti ikkonkludiet li l-istorja li taw Gaffarena kienet iddettata mill-mibegħda li kellhom lejn il-Partit Nazzjonalista u lejn Simon Busuttil li f’dik il-laqgħa irrifjuta li jakkomodahom billi jinħareġ permess għall-pompa tal-petrol li kellha estensjoni illegali.
The Court has just condemned @PL_Malta and #GWU to pay €7,000 in damages for the mud they threw at me in #2015 to defend themselves on the #Gaffarena corruption scandal. #Justice prevailed. https://t.co/qrD3Bft3UP
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) June 25, 2018
L-Avukat Peter Fenech deher għal Simon Busuttil.
//= $special ?>