Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Spanja tispiċċa rebbieħa ta’ Grupp B

Isco jiċċelebra ma' sħabu wara li ġab id-draw momentarju (Ritratt: EPA)

Spanja spiċċat fl-ewwel post ta’ Grupp B minkejja li spiċċat 2-2 kontra l-Marokk li min-naħa tagħha kisbet l-ewwel punt fil-grupp. Il-Marokk kienet fetħet l-iskor fl-14-il minuta meta KHALID BOUTAIB ħa vantaġġ minn żball fid-difiża Spanjola, avvanza u għeleb lil De Gea b’xutt fil-baxx.

Reazzjoni immedjata minn Spanja li ħames minuti wara ġabet id-draw. Kienet azzjoni maħduma tajba b’Andres Iniesta jagħti l-passaġġ finali lejn ISCO li skorja b’xutt fis-saqaf tax-xibka.

Il-Marokk reġgħet marret minn fuq fil-81 minuta meta minn korner, YOUSSEF EN-NESYRI għola fuq kulħadd u skorja b’daqqa ta’ ras fir-rokna. Iżda l-logħba kienet għadha ma spiċċatx hekk kif Spanja ġabet id-draw fil-91 minuta meta minn kross ta’ Carvajal mil-lemin, kien is-sostitut IAGO ASPAS li skorja bit-takkuna. Il-gowl oriġinarjament kien imħassar għal offside, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, il-gowl kien konvalidat.