Matul il-lejl li għadda, 108 immigranti li kienu abbord il-bastiment Daniż Alexander Maersk, tħalla jidħol fil-port ta’ Pozzallo fi Sqallija biex iniżżel fuq l-art Taljana l-irġiel, nisa u tfal maqbuda bejn sema u ilma. Dan il-bastiment kien ilu wieqaf barra l-kosta ta’ Ragusa minn nhar il-Ġimgħa li għadda, fejn ilbieraħ ingħata l-permess biex jiżbarka l-persuni abbord ftit wara nofsillejl.
Il-persuni abbord tniżżlu Pozzallo, fejn hemmhekk saru l-kontrolli neċessarji mill-awtoritajiet Taljani. Jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ saħħa tal-immigranti kienet waħda tajba kif ikkonfermata minn esperti mediċi li telgħu abbord il-bastiment biex jivverifikaw qabel ma’ l-bastiment Alexander Maersk tħalla jidħol fil-port.
Dan kien episodju wieħed biss minn numru ta’ battibekki bejn l-istati Ewropej li jinsabu fil-Mediterran, wara li nbidlet l-amministrazzjoni tal-Gvern Taljan. Il-kwistjoni prinċipali bejn il-pajjiżi Ewropej hi dik ta’ min għandu jilqa’ lil immigranti li qegħdin jaqsmu mill-kontent Afrikan lejn l-Ewropa.
Intant, is-Sindku ta’ Pozzallo rringrazzja lill-Ministru tal-Intern Matteo Salvini talli aċċetta li jsir l-iżbarkament ta’ dawn l-immigranti u jilqa’ din it-talba umanitarja.
//= $special ?>