Lokali

AĠĠORNATA: Qbil ma’ Franza biex pajjiżna possibilment jieħu l-230 immigrant abbord il-bastiment Lifeline

Kienu biss TVM u ONE li ħarġu jinnegaw dawn ir-rapporti

AĠĠORNATA: Franza u l-Portugall fost il-pajjiżi li se jilqgħu n-nies abbord Lifeline

Franza se tkun wieħed mill-pajjiżi li se jilqgħu nies minn dawk abbord Lifeline. Dan ħabbru il-President Franċiż Emmanuel Macron waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Vatikan wara li ltaqa’ mal-Papa Franġisku. Huwa ma daħalx fid-dettall tal-każ għax qal li dan qed jitmexxa mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

Sadanittant anki l-Portugall ħabbar li se jieħu l-immigranti.

Skont rapporti internazzjonali inqtal li s’issa huma erba’ pajjiżi li kkonfermaw li se jieħdu ammont ta’ immigranti mill-MV Lifeline; Franza, l-Italja, il-Portugall u Malta. Tliet pajjiżi oħra għadhom ma tawx risposta.

Aktar qabel: Rapporti f’diversi siti tal-aħbariijet internazzjonali qed jgħidu li hemm possibilta’ li Malta tieħu l-230 immigrant abbord il-bastiment Lifeline li ilu erbat ijiem bejn sema u ilma, f’nofs il-Mediterran.

Il-Lifeline bħalissa jinsab ftit ‘il barra mill-kosta Maltija, fuq ix-Xlokk.

Is-sit tar-Reuters fost l-oħrajn qed jgħid li din il-mossa kienet konfermata mill-kelliem tal-Gvern Franċiż, Benjamin Griveaux. Hu saħaq illi l-aħjar soluzzjoni Ewropea kienet li l-bastiment jitħalla jidħol Malta, u Franza tinsab lesta li tibgħat tim biex ikun jista’ jevalwa kull individwu abbord u jekk dawn ħaqqhomx l-ażil.

Fl-Isptar Mater Dei diġa’ bdew preparamenti f’eventwalita’ li jkun hemm bżonn assistenza medika għal dawn l-immigranti. Sa dalgħodu stess il-Prim Ministru indika li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar id-destinazzjoni tal-MV Lifeline.

Skont Reuters, id-deċiżjoni li jidħol il-vapur Malta ttieħdet wara taħdidiet bejn il-President Franċiż u l-Prim Ministru Malti. Fi stqarrija l-Gvern qal biss illi qed jesplora l-possibilta’ li jieħu azzjonijiet fil-konfront tal-kaptan tal-vapur.

Il-Partit Nazzjonalista ilu ġimgħat jinsisti li quddiem din is-sitwazzjoni pajjiżna għandu jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali, u jimxi mar-regoli internazzjonali. Sal-bieraħ stess fil-Parlament, tkellem dwar din it-tema tant importanti l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.