Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Franza u d-Danimarka jieħdu dak li riedu

Kylian Mbappe fl-azzjoni kontra d-Danimarka (Ritratt: EPA)

Franza u d-Danimarka ħadu dak li riedu fl-aħħar logħba tagħhom minn Grupp Ċ meta spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls, li inċidentalment kienet l-ewwel logħba f’din l-edizzjoni li spiċċat 0-0. B’hekk Franza spiċċat il-grupp fl-ewwel post b’seba’ punti filwaqt li d-Danimarka temmet it-tieni b’ħames punti, biż-żewġ timijiet għadhom mhux megħluba.

Għal din il-logħba l-kowċ Franċiż Didier Deschamps għażel li jserraħ diversi plejers, speċjalment dawk li kellhom karta safra. Bid-Daniżi jafu l-iskor tal-logħba l-oħra, naqset l-urġenza għat-tim ta’ Hareide li jfittex il-gowl, bit-tnejn kuntenti bir-riżultat.

Id-Danimarka appellat għal penalty fid-29 minuta għal kuntatt bejn Christian Eriksen u l-gowlkiper Franċiż Steve Mandanda, b’Lucas Hernandez jidħol fl-azzjoni wkoll, iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Ċans għal Franza fit-33 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Ousmane Dembele li għadda barra. Okkażjoni għal Griezmann fl-40 minuta b’xutt li seta’ kien aħjar iżda spiċċa dritt f’idejn Schmeichel.

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Christian Eriksen prova bi free-kick mid-distanza li kien salvat f’darbtejn minn Mandanda. Is-sostitut Fekir prova b’azzjoni fil-71 minuta iżda x-xutt tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Fekir kellu wieħed mill-aħjar okkażjonijiet tal-logħba fit-83 minuta b’xutt fil-baxx li kien salvat f’korner minn Schmeichel.