Futbol Sport

Gżira United jagħmlu pass importanti lejn l-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League

Il-plejers ta' Gżira jiċċelebraw wara l-logħba (Ritratt: Andrew Micallef)

SANT JULIA……………0

GŻIRA UNITED……….2

Sant Julia: N. Ratti, P. Munoz, V. Ramael, F. Girau (L. Blanco 69’), A. Molina, E. Pi, Jonny, N. Vasile, W. Lee, J. Mendez (D. Najero 82’), J.A. Aguilar (D. Gonzalez 87’)

Gżira: J. Haber, R. Briffa, D. Mambouana, R. Soares, C. Gatt Baldacchino, T. Veronese, N. Muscat (Z. Scerri 62’), A. Cohen, E. Bilbao, E. Okoye (Jorginho 70’), A. Samb (L. Brincat 90’)

Referee: Denis Shurman (Ukrajna)

Gżira United kellhom ritorn feliċi fil-kompetizzjonijiet Ewropej meta kisbu rebħu importanti ta’ 2-0 kontra t-tim mill-Andorra UE Sant Julia fl-ewwel leg tar-Rawnd Preliminari. Għal Gżira għamlu d-debutt l-akkwisti tagħhom id-difensur Brażiljan Rodolfo Soares u d-difensur laterali tax-xellug Thomas Veronese, filwaqt li daħal fit-tieni taqsima l-attakkant Jorginho.

Il-Maroons fetħu l-iskor fl-20 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fuq AMADOU SAMB. Mill-11-il metru l-istess plejer skorja l-gowl tal-vantaġġ b’xutt għar-rokna leminija. Dan il-gowl ta s-saħħa lit-tim ta’ Darren Abdilla li jikkontrolla l-logħba. Samb seta’ jirdoppja sitt minuta wara iżda xxuttja barra minn pożizzjoni ideali.

Sant Julia kellhom ċans li jġibu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Soares fuq Ramael, iżda l-istess plejer ra x-xutt tiegħu jispiċċa barra. It-tim minn Andorra żied il-pressjoni fit-tieni taqsima, b’Justin Haber ikun impenjat diversi drabi.

Iżda kien fis-86 minuta li Gżira rduppjaw meta b’intelliġenza Andrew Cohen tefa’ ballun tajjeb wara d-difiża b’JORGINHO javvanza u jgħaddi l-ballun minn taħt saqajn Ratti.