Il-President Iranjan, Hassan Rouhani, wiegħed lill-poplu li l-Gvern Iżlamiku f’Tehran ‘mhux se jċedi għall-pressjoni tal-President Amerikan Donald Trump’ u se jkun jista’ jilqa’ għall-pressjoni ekonomika mis-sanzjonijiet ġodda mill-Istati Uniti.
Dan wara li folol ta’ Iranjani, fil-parti kbira negozjanti, inġemgħu, barra l-bini tal-Parlament fil-kapitali fost protesti dwar it-telf fil-valur tar-rial ( il-munita nazzjonali).
Ingħad li sezzjonijiet tal-‘Bazaar Kbir’ ta’ Tehran illum ma fetħux għall-kummerċ bħas-soltu b’riżultat ta’ azzjoni mill-bejjiegħa. Dan waqt li dimostranti fit-toroq ta’ madwar il-Bazaar għajjtu slogans kontra l-Gvern Iranjan minħabba s-sitwazzjoni.
Fil-bidu tal-ġimgħa, il-pulizija kienet qed iddur ġo l-istess ċentru wara konfronti ma’ dimostranti rrabjati ‘dwar il-kollass tar-rial’.
Il-kriżi għall-kambju tal-Iran ħarbtet in-negozju, fost iż-żidiet fil-prezz tal-oġġetti impurtati fil-pajjiż. Intant, il-President Rouhani iddefenda r-rekord ekonomiku tal-Iran u qal li s-sitwazzjoni tar-rial hi dovuta ‘għall-propaganda tal-media barranija’.
L-Istati Uniti, fix-xhur li ġejjin, se timponi penali ekonomiċi ġodda fuq l-Iran wara li Trump irtira minn ftehim bejn il-potenzi tad-dinja u l-Iran li bih kienu tneħħew is-sanzjonijiet għall-Iranjani bil-patt li huma jrażżnu l-programm nukleari tagħhom.
//= $special ?>

