Lokali Parlament

Importanti li l-pajjiż ikun lest għal teknoloġiji ġodda

– Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco tkellem dwar it-teknoloġija tal-blockchain u sostna li l-vantaġġ tagħha hu li din għandha diversi skopijiet li jmorru lil hinn mill-flus diġitali. Din hi teknoloġija li qed tavvanza kuljum minkejja li għadha fil-bidu tagħha u għalhekk hu mportanti li l-pajjiż ikun lest u jirregolarizza għal din ir-realtà.

Fid-dibattitu parlamentari dwar liġijiet tas-servizzi finanzjarji, Mario de Marco qal li l-Bank Dinji qal wkoll li kull pajjiż ikun lest b’qafas regolatorju dwar din it-teknoloġija avvanzata tal-blockchain. S’issa għad hemm impenn minn pajjiżi separati; dan jista’ joffri vantaġġ b’leġiżlazzjoni attraenti iżda jfisser ukoll frammentazzjoni li ġġib inċertezza.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hu tajjeb li Malta qed tassoċja din it-teknoloġija innovattiva u qal li r-rwol tal-MFSA għandu jkun rikonoxxut fil-kunetst tal-użu tal-flus virtwali.

Dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali, Mario de Marco tratta jekk hemmx il-ħtieġa ta’ din l-Awtorità jew jekk setgħetx intużat awtorità oħra li jkollha l-poteri tagħha estiżi. Hu sostna li hu tajjeb li jkun hemm Awtorità għal settur ta’ teknoloġija avvanzata iżda appella biex ikun ikkunsidrat metodu differenti kif jinħatru l-awtoritajiet għaliex dawn għadhom dipendenti wisq minn fuq persuni appuntati mill-gvern tal-ġurnata. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern kellu jkun innovattiv fit-twaqqif ta’ din l-Awtorità.

Mario de Marco tkellem dwar l-arranġamenti ta’ teknoloġija innovattiva u ta’ servizzi ta’ din it-teknoloġija u dwar il-flus diġitali. Hu qal li l-pajjiż ma jistax ma jirregolarizzax quddiem din ir-realtà u tratta l-mod kif diversi pajjiżi barranin qed jitrattaw dan is-settur fejn mhux kulħadd qed jaċċetta din ir-realtà u mhux kullimkien hemm il-liġijiet neċessarji. L-UE jidher li hi favur li jkun hemm leġiżlazzjoni favur l-innovazzjoni diġitali.

Mario de Marco appella biex issir diskussjoni fuq bażi reġjonali u internazzjonali, lil hinn mill-UE għaliex din it-teknoloġija għandha aspett vast fid-dinja. Għalhekk hu importanti li jkun hemm qafas regolatorju internazzjonali.

Hu semma’ dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea dwar il-Bank Pilatus, l-FIAU u l-MFSA li qed tkun investigata mill-Bank Ewropew kif qed isir fuq l-FIAU. Jekk Malta trid tidħol f’dan is-settur jeħtieġ li jkollha kollox regolat internament.