Edukazzjoni Lokali

Inizzjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ għall-għalliema

Għalliema se jagħmlu esperjenza fl-industrija

Il-Kamra tal-Kummerċ, flimkien maċ-Ċentru tax-Xjenza, dalgħodu nedew il-programm GO 4 Industry – programm ta’ esperjenza ta’ xogħol għall-għalliema fid-dipartiment tax-xjenza.

Dan il-progamm ġie żviluppat wara li nħass il-bżonn li l-għalliema li xogħlhom huwa li jrawwmu u jgħallmu studenti fis-suġġetti tax-xjenza, jiżdidielhom l-għarfien tal-bżonnijiet tal-industrija li qegħdin dejjem jinbidlu skond l-avvanzi fit-teknoloġija.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank Farrugia qal li l-industrija qed issofri minn nuqqas kbir ta’ ħaddiema fis-setturi kollha – ibda minn ħaddiema b’ħiliet bażiċi għal ħaddiema b’livell ta’ ħiliet avvanzat u li din l-inizzjattiva għandha l-għan li tagħti opportunita’ lill-għalliema li jkunu aġġornati dwar il-bżonnijiet tal-industrija illum.

Patrick Cachia, Chairperson tal-Industrija tal-Manifattura u Gruppi Ekonomiċi oħra qal li teżisti perċezzjoni negattiva marbuta mal-industrija tal-manifattura – industrija li ilha tikber f’Malta għal dawn l-aħħar tletin sena.  L-industrija inbidlet b’mod li llum tuża teknoloġija moderna li għandha bżonn ta’ ħaddiema mħarrġa fis-setturi diversi.

Il-Kap ta-Diperatiment tax-Xjenza, Audrey Vella Bondin qalet li hi ħasset il-bżonn li tħajjar għalliema fid-dipartiment biex jipparteċipaw f’dan il-programm ta’ taħriġ sabiex ikun jistgħu iwasslu lill-istudenti tagħhom dak li teħtieġ l-industrija, kif ukoll biex ikunu jistgħu jħajjru iktar tfal jagħżlu karriera fl-industrija.

Dan il-programm huwa programm pilota li l-ħsieb tiegħu hu li jibqa jsir fis-snin li ġejjin.