Futbol Sport

Inter iħabbru uffiċjalment l-akkwist ta’ Nainggolan

Radja Nainggolan bil-flokk il-ġdid ta' Inter

Inter komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom bi preparazzjoni għall-istaġun li ġej meta llum ħabbru uffiċjalment l-akkwist tal-midfielder Radja Nainggolan mingħand Roma. Il-klabb minn Milan akkwista l-Belġjan għal somma komplessiva ta’ €38 miljun iżda fit-trasferiment daħlu wkoll il-plejers Davide Santon u Nicolò Zaniolo li ngħaqdu ma’ Roma u baxxew is-somma totali mħallsa.

Għal Nainggolan dan se jkun ir-raba’ klabb Taljan li se jilgħab miegħu. Hu kien għamel id-debutt fit-28 ta’ Mejju 2006 ma’ Piacenza. F’Jannar tal-2010 hu ngħaqad ma’ Cagliari u għamel id-debutt fis-7 ta’ Frar proprju kontra Inter.

Hu lagħab ma’ Cagliari għal erba’ snin u f’Jannar tal-2014, Nainggolan ingħaqad ma’ Roma. Il-midfielder stabilixxa ruħu bħala plejer importanti ma’ Roma fejn kien pedina importanti taħt Rudi Garcia u Luciano Spalletti, kowċ li se jerġa’ jilgħab miegħu. Ma’ Roma, Nainggolan lagħab 203 logħbiet u skorja 33 gowl.

Nainggolan lagħab 30 logħba mat-tim nazzjonali tal-Belġju u skorja sitt gowls. Hu ma kienx imsejjaħ għal din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u ħabbar li rtira mit-tim nazzjonali. Il-plejer iffirma kuntratt sat-30 ta’ Ġunju 2022.