Internazzjonali

Jiċħad għal sehem fil-qtil ta’ Benazir Bhutto

Militanti li allegatament kien parti minn grupp terroristiku responsabbli mill-qtil tal-eks Prim Ministru tal-Pakistan, Benazir Bhutto, deher fuq filmat tat-Taliban fejn ċaħad li kellu xi sehem fl-assassinar inkwistjoni li kien seħħ f’Rawalpindi, fl-2007.

L-awtoritajiet jemmnu li l-militanti, li jismu Ikramullah, kien qed jinżamm f’riserva fil-jum meta nqatlet Bhutto fi splużjoni. L-allegat ħsieb, dakinar, kien li Ikramullah itajjar l-isplussivi li kellu fuqu fl-inħawi f’każ li l-qattiel ta’ Bhutto kellu jfalli fl-ewwel attentat.

L-uffiċjali qed jgħidu li Ikramullah kien ‘telaq ‘il hinn’ wara li t-terrorista sieħbu wettaq l-attakk suwiċida li swiet il-ħajja ta’ Bhutto u xi 20 oħra waqt rally f’Rawalpindi.

Iċ-ċaħda ta’ Ikramullah sehemu fl-azzjoni hi l-ewwel stqarrija pubblika tiegħu dwar il-każ u fejn hu jidher fuq video li kien prodott minn entità li sa ftit ilu kienet tifforma parti mill-grupp tat-Taliban fil-Pakistan. Jaħsbu li l-filmat inġibed fl-Afganistan, waqt li sorsi li kienu qrib Benazir Bhutto jemmnu li l-istqarrija ta’ Ikramullah tibbaża fuq gidba.

Ikramullah jinsab fuq il-lista tal-Pakistan tal-‘aktar persuni mfittxa fuq suspett ta’ terrur’. Intant, qorti ssemmih bħala ‘it-tieni aggressur suwiċida fl-attakk fuq Benazir Bhutto.’