Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Arġentina tikkwalifika mal-aħħar 16 b’mod drammatiku

Il-plejers Arġentini wara l-partita (Ritratt: EPA)

L-Arġentina għaddiet mal-aħħar 16 bl-aktar mod drammatiku wara li għelbet lin-Niġerja 2-1 b’gowl lejn it-tmiem. It-tim Arġentina wera titjib mill-aħħar konfront kontra l-Kroazja iżda ħafna drabi sofrew il-ħeffa tal-avversarji u ssugraw mhux ftit li jmorru 2-1 minn taħt. B’dan ir-riżultat l-Arġentina tilgħab kontra Franza mal-aħħar 16.

Il-kowċ Jorge Sampaoli għamel ħames bidliet mit-telfa kontra l-Kroazja u għat-tielet logħba konsekuttiva bidel il-formazzjoni inizjali din id-darba għal 4-4-2.

L-Arġentina fetħet l-iskor mal-kwarta logħob meta Ever Banega għadda ballun fit-tul lejn LIONEL MESSI li kkontrolla b’koxxtejh u b’siequ, avvanza u spara bil-lemin wara Francis Uzoho.

Okkażjoni oħra għat-tim Arġentin fit-28 minuta meta Messi għadda lejn Gonzalo Higuain li prova jikkonkludi iżda Uzoho blokka fil-ħin. Sitt minuti wara, Messi reġa’ mar viċin li jiskorja bi free-kick minn pożizzjoni perikoluża, iżda Uzoho ċaħdu bl-għajnuna tal-wieqfa.

Kmieni fit-tieni taqsima n-Niġerja ngħatat penalty għal fawl ta’ Javier Mascherano, bir-referee Cuneyt Cakir jikkonsulta mal-VAR qabel ma ordna l-penalty. Mill-11-il metru VICTOR MOSES għeleb lil Franco Armani. Ftit wara, Odion Ighalo falla ċans tad-deheb li jpoġġi lin-Niġerja min fuq u fuq in-naħa l-oħra, Higuain falla ċans tajjeb meta spara għoli minn qagħda tajba.

L-Arġentina skorjat il-gowl tar-rebħa fis-86 minuta meta minn kross mil-lemin ta’ Mercado, kien MARCOS ROJO li b’xutt mill-ewwel bil-lemin għeleb lil Uzoho fost il-ferħ tal-partitarji u plejers Arġentini, fosthom Diego Maradona.

Dan ir-riżultat fisser li l-Arġentina mhux megħluba fit-Tazza tad-Dinja fl-aħħar 40 logħba meta fetħet l-iskor. Lionel Messi sar it-tielet plejer Arġentin wara Diego Maradona u Gabriel Batistuta li skorja fi tliet edizzjonijiet.