Matul il-lejl saret operazzjoni ta’ evakwazzjoni ta’ immigrant minn fuq il-bastiment Lifeline.
Il-bastiment Lifeline, li għandu madwar 240 immigrant abbord, qed jitlajja qrib l-ibħra territorjali ta’ Malta wara li ma segwiex ir-regoli internazzjonali tal-baħar u baqa’ jbaħħar ‘il barra mil-lok fejn kien ġabar l-immigranti qrib il-Libja u Lampedusa.
L-aħbar li saret operazzjoni ta’ evakwazzjoni ta’ immigrant minħabba raġunijiet mediċi ngħatat minn Kelliem għall-Gvern matul il-lejl.
Fil-jiem li għaddew, kienet se ssir operazzjoni oħra ta’ evakwazzjoni, li aktar tard kellha tkun abbandunata wara li l-bastiment qal li ma kienx għad hemm bżonnha.
Sadanittant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal, fl-iktar okkażjoni riċenti li kellu fil-Parlament, li se jkompli jagħti l-appoġġ lil Malta quddiem il-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u sostna li l-Oppożizzjoni lesta tgħin lill-Gvern Malti biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Italja.
//= $special ?>