Sport Sport Ieħor

Rodney Gatt jibda l-impenji fil-Kampjonat Ewropew għada

Is-sewwieq Malti Rodney Gatt jibda l-impenji tiegħu fil-Kampjonat Ewropew għall-ġerrejja professjonali li se jsir fil-koros ta’ Bjerke n-Norveġja u Aby l-Iżvezja bejn illum u għada.

Għal Gatt din se tkun l-ewwel esperjenza f’dan il-Kampjonat li fih se jkun qed jikkompeti ma’ ħdax il-ġerrej fost l-aqwa fl-Ewropa. Fost dawn hemm ir-rebbieħ tal-aħħar edizzjoni Mika Forss li s-sena l-oħra spiċċa t-tieni fil-Kampjonat tad-Dinja.

Il-Kampjonat Ewropew isir kull sentejn u jalterna mal-Kampjonat tad-Dinja. Is-sewwieqa se jsuqu 10 tiġrijiet maqsuma fuq jumejn u jieħdu l-punti skont il-pożizzjoni li spiċċaw f’kull tiġrija. Flimkien ma’ Malta, se jieħdu sehem ukoll l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Norveġja, l-Olanda, Spanja u l-Iżvezja.

Gatt li għandu 29 sena, is-sena l-oħra għall-ewwel darba spiċċa l-aqwa ġerrej tal-Malta Racing Club. Din is-sena qed jiddomina bi 58 rebħa u fil-25 ta’ Mejju sar l-ewwel sewwieq li rnexxielu jirbaħ sitt tiġrijiet fi programm wieħed. Hu ħalla Malta dalgħodu flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club Tommy Cunningham.