250 miljun ruħ madwar id-dinja qed jabbużaw mid-droga kull sena, filwaqt li 130 elf minnhom qed imutu b’konsegwenza t’hekk. Fl-2015, f’Malta kien irrikordjat li għandna l-għola rata ta’ imwiet relatati mad-droga fl-Ewropa. Fl-2017 biss ġew identifikati 101 każ ta’ drogi ġodda.
Dan ħareġ waqt konferenza nazzjonali bl-isem ta’ Ħajja Ħielsa mid-Droga – Flimkien B’Għan Wieħed. Din saret propju fil-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż tad-droga.
Ir-rata ta’ imwiet relatati mad-droga hi għolja f’Malta hekk kif f’pajjiżna, il-programm li jingħata joffri għajnuna mill-ewwel. Minn naħa l-oħra, f’pajjiżi oħra l-kura ddum ma tingħata għal xhur sħaħ. B’hekk, ftit huma dawk li jfittxu l-għajnuna biex jgħelbu l-vizzju tad-droga.
Għal din il-konferenza saru diversi interventi minn professjonisti, fosthom tobba u lecturers li tkellmu dwar l-importanza li tinqered id-droga mis-soċjetà.
Waqt il-konferenza intqal li sfortunatament, id-droga qed twassal għal serq u attivitajiet kriminali oħra, u qed twassal ukoll biex taffettwa s-saħħa fiżika u mentali ta’ min ikun. Diversi nisa qed jiġu nnutati li saħansitra jibqgħu jabbużaw mid-droga waqt it-tqala, bil-konsegwenza li t-trabi jiġu affetwati.
Għall-konferenza kien mistieden tabib Awstraljan, Matthew Berry li għal tul dawn l-aħħar snin qiegħed idur pajjiżi differenti biex jistudja s-sitwazzjoni relatata mad-droga. Hu qal li l-abbuż tad-droga żdiet b’10% u li iktar ma jmur, iktar is-sitwazzjoni qed tigrava.
Minħabba l-problema tad-droga, kull sena jingħataw madwar 320,000 siringa mill-polikliniki ta’ madwar Malta. Dan isir biex jitnaqqsu l-każi tal-HIV.
Fl-istess konferenza tkellem ukoll l-Ispettur Jonathan Cassar, li qal li “t-traffikar tad-droga sar arti u sar qisu negozju bħal kull negozju ieħor.”
Fil-konferenza tkellmu l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Maria Deguara u Claudio Grech. Deguara qalet li hemm bżonn li jkun hemm prevenzjoni b’mod speċjali fi tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li Claudio Grech qal li hemm bżonn li l-membri parlamentari kollha jaħdmu flimkien biex jipprevenu li jintilfu iktar ħajjiet.
//= $special ?>