Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Tliet plejers Żvizzeri jevitaw sospensjoni mill-FIFA

Granit Xhaka u Xherdan Shaqiri kienu ż-żewġ plejers li skorjaw kontra s-Serbja (Ritratt: EPA)

It-tliet plejers tal-Iżvizzera Granit Xhaka, Xherdan Shaqiri u Stephan Lichtsteiner evitaw is-sospensjoni mill-FIFA wara li kienu investigati minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom kontra s-Serbja.

Xhaka u Shaqiri li t-tnejn għandhom dixxendenza Albaniża u għandhom l-għeruq tal-familja fil-Kosovo, għamlu sinjali b’idejhom li jimitaw l-ajkla fuq il-bandiera tal-Albanija wara li skorjaw fir-rebħa ta’ 2-1 tal-Iżvizzera fuq is-Serbja. Il-captain Lichtsteiner deher ukoll jagħmel dawn il-ġesti f’Kaliningrad.

Xhaka u Shaqiri rċevew twissija mill-FIFA u ġew immultati 10,000 Frank Żvizzeru minħabba imġieba mhux sportiva, filwaqt li Lichtsteiner irċieva multa ta’ 5,000 Frank Żvizzeru tal-azzjonijiet tiegħu.

Ir-regoli tal-FIFA huma kontra messaġġ politiċi jew simboli fl-istadiums u t-tliet plejers setgħu jkunu sospiżi sa żewġ logħbiet kieku nstabu ħatja li kisru r-regoli.

Il-midfielder ta’ Stoke Shaqiri kien mistoqsi dwar iċ-ċelebrazzjonijiet u qal li kienet marbuta mal-emozzjoni li kellu fil-mument. “Naħseb fuqha ma rridx nitkellem. Fil-futbol dejjem ikollok l-emozzjonijiet.”

Hu kompla li raw x’għamel u għalih hi emozzjoni iżda saħaq li hu kuntent li skorja l-gowl. Hu qal li li għamel il-ġest u ma għandux għalfejn jitkellem fuqu.