Lokali Qorti

ESKLUSSIVA: 15-il blokka droga ‘jisparixxu’ mill-Qorti

L-Imħallef Antonio Mizzi ordna li jsir tiftix sew għal dawn il-ħmistax-il blokka droga, iżda rriżulta fin-negattiv

Ġuri quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi dwar traffikar ta’ droga – liema każ imur lura għall-2004 – spiċċa kien pospost bi qbil mal-partijiet wara li ħmistax-il blokka droga li suppost jiffurmaw parti mill-atti tal-Qorti f’dan il-każ partikulari, ‘sparixxew’ u huma unaccounted for.

In-Nazzjon illum jista’ jiżvela kif meta fil-jiem li għaddew il-partijiet iltaqgħu fil-preżenza ta’ Marixxalli biex jissettjaw l-esebiti kollha u jagħtuhom numru għal skop ta’ preżentazzjoni quddiem il-Ġuri, instab li ħmistax-il blokka droga resina tal-ħaxixa ma kinux fl-istrong room tal-Qorti fejn jinżammu esebiti ta’ valur bħal deheb, ġojjelli, droga li ma tkunx distrutta u ħwejjeġ importanti oħra.

Nifhmu li l-Imħallef Antonio Mizzi ordna li jsir tiftix sew għal dawn il-ħmistax-il blokka droga, iżda kull tiftix irriżulta fin-negattiv. Mhux biss, iżda jidher li lanqas biss huma mniżżla fl-atti tal-esebiti tal-istess każ, li fiċ-ċentru tiegħu hemm Joseph Rizzo, li hu akkużat b’sensiela ta’ akkużi relatati mat-traffikar u l-pussess illegali tad-droga resina tal-ħaxixa.

Fid-dawl tat-tiftix li saru u li rriżulta fin-negattiv, is-sitwazzjoni kompliet issir ferm aktar gravi meta kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-Difiża insistew li din id-droga tkun esebita fil-kors tal-ġuri.
Kien għalhekk li sar kuntatt mal-Espert Forensiku Mario Mifsud, li hu Farmaċista, li kkonferma min-naħa tiegħu li hu kien analizza fil-laboratorju dawn il-ħmistax-il blokka droga u li kien ikkonferma wkoll li din kienet resina tal-ħaxixa.

Jirriżulta li din il-kunsinna ta’ droga kienet tifforma parti minn sejba ta’ 25 blokka resina tal-ħaxixa li ħmistax-il blokka minnhom kienet instabet f’batterija falza ta’ trakk f’Għawdex, filwaqt li l-kumplament – l-għaxar blokki l-oħra – kienu nstabu f’Malta.

Dwar dan il-każ partikulari diġà kien sar ġuri ieħor fl-2012 meta kien tressaq il-Qorti akkużat ukoll b’sensiela ta’ akkużi Matthew Miniaco. F’dak il-każ partikulari kien ingħad li l-Prosekuzzjoni kienet għamlet ħafna żbalji banali bir-riżultat li l-akkużat dakinhar kien inħeles bl-inqas danni possibbli.
Il-Qorti, iffaċċjata b’dawn l-iżviluppi xejn mistennija lejlet ġuri mistenni, fejn ammont ta’ droga huma unaccounted for, ma kellha l-ebda triq oħra biex għalissa tipposponi l-ġuri. Nifhmu li nfetħet inkjesta dwar dan il-każ serju li sa issa baqa’ jinżamm mistur bl-aktar mod totali.

Apparti l-Imħallef Antonio Mizzi, il-partijiet l-oħrajn involuti f’dan il-ġuri huma Nadia Attard u Ann Marie Cutajar f’isem l-Avukat Ġenerali u Arthur Azzopardi, Franco Debono u Marion Camilleri, li qed jidhru għall-akkużat.