Iċ-champions tad-dinja l-Ġermanja sfat eliminata mill-fażi tal-gruppi għall-ewwel darba mill-1938 wara li kienet megħluba 2-0 mill-Korea ta’ Isfel. B’hekk kompliet it-tradizzjoni negattiva li ċ-champions renjanti jkunu eliminati fil-fażi tal-gruppi.
Mill-2002 sal-lum, kienu biss il-Brażil fl-2006 li ma kinux eliminati fil-gruppi. Franza fl-2002, l-Italja fl-2010 u Spanja fl-2014 kollha kellhom l-istess destin tal-Ġermanja. B’din it-telfa l-Ġermanja spiċċat l-aħħar fil-grupp.
It-tim ta’ Joachim Lӧw kellu diversi okkażjonijiet ta’ skor speċjalment fit-tieni taqsima fejn kompliet tikber l-urġenza tal-gowl. Il-Korea ta’ Isfel marret minn fuq fil-91 minuta permezz ta’ Young-Gwon Kim li għeleb lil Manuel Neuer mill-viċin, gowl li kien konfermat permezz tal-VAR.
Il-Ġermanja kellha bżonn żewġ gowls f’dan il-mument u komplew jattakkaw, bil-Korea ta’ Isfel tiskorja t-tieni gowl fis-97 minuta meta Se-Jong Joo tefa’ ballun fit-tul b’Heung-Min Son ikun pront u jiġri biex jixħet f’lasta vojta.
//= $special ?>