Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Brażil tirbaħ Grupp E u telimina lis-Serbja

Neymar jiċċelebra wara l-partita (Ritratt: EPA)

Il-Brażil eliminat lis-Serbja u assigurat postha fit-tieni rawnd tat-Tazza tad-Dinja b’rebħa ta’ 2-0 f’Moska. Il-Brażiljani kienu f’riskju li jsiru t-tieni tim kbir eliminat wara l-eliminazzjoni sorpriża tal-Ġermanja, iżda Paulinho u Thiago Silva assiguraw li l-Brażil tirbaħ Grupp E.

Din ir-rebħa tfisser li t-tim ta’ Tite se jilgħab kontra l-Messiku f’Samara t-Tnejn wara nofsinhar u potenzjalment il-Brażiljani jistgħu jilagħbu kontra r-rebbieħ ta’ Grupp Ġ. Is-Serbja jirritornaw f’pajjiżhom wara li kisbu rebħa biss.

Il-Brażil fetħet l-iskor fis-36 minuta meta Philippe Coutinho għadda ballun preċiż fit-tul fl-ispazju lejn Paulinho li għeleb in-nasba tal-offside u qabbeż fuq Stojkovic li kien ħiereġ biex jagħlaq l-ispazju. Fit-tieni taqsima s-Serbja żiedet il-pressjoni iżda l-okkażjonijiet li falliet kienu kkastigati fit-68 minuta. Minn korner ta’ xellug ta’ Neymar, Thiago Silva għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Nikola Milenkovic.