Internazzjonali

Il-Gvern ta’ Merkel f’periklu li jikkrolla

Wara biss tliet xhur fil-poter, il-periklu li jikkrolla l-Gvern immexxi mill-Kanċillier Angela Merkel għadu hemm. Dan wara li taħditiet ta’ emerġenza bejn il-membri tal-koalizzjoni tal-Gvern tard it-Tlieta filgħaxija naqsu li jsolvu tilwima dwar l-immigrazzjoni mal-alleati tagħha fil-Bavarja.
It-tilwima tikkonċerna pjani minn Horst Seehofer, il-Ministru tal-Intern u kap tas-CSU, il-partit alleat tradizzjonali tac-CDU fil-Bavarja, biex l-immigranti li jkunu rreġistrati f’pajjiż ieħor ma jitħallewx jidħlu fil-Ġermanja.

Pjan li jmur kontra dak ta’ Merkel u intopp serju għas-sistema ta’ Schengen.
Issa s-CSU ta lil Merkel sal-aħħar tal-ġimgħa biex waqt is-summit tal-Unjoni Ewropea taqbel fuq miżuri biex jittaffa l-piż tal-immigrazzjoni fuq il-Ġermanja. Xi ħaġa li mhux se tkun faċli, jekk mhux impossibbli, minħabba l-firda li hemm fi ħdan l-UE minħabba l-immigrazzjoni.

Issa għall-Ħadd, is-CSU sejjaħ laqgħa biex iqisu l-pass li jmiss u jintroduċu miżuri ġodda. Is-CSU qal li tal-anqas Merkel trid tikseb ftehim bilaterali ma’ pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja dwar l-immigrazzjoni.
Xi membri tas-CDU qalu li jekk Seehofer jagħmel ta’ rasu, Merkel ma jkollha ebda triq oħra ħlief li tkeċċih u b’hekk tinħoloq kriżi fil-Gvern, jekk mhux it-tmiem tiegħu.

L-alleanza bejn is-CDU u s-CSU tmur lura 70 sena u kien hemm bżonn sitt xhur biex ftiehmu dwar din il-koalizzjoni tal-Gvern.

L-għażliet li għandha Merkel huma dik ta’ Gvern ta’ minoranza jew elezzjoni ġenerali oħra. Merkel, li ilha Kanċillier għal 13-il sena, qed tissogra wkoll li titlef l-appoġġ fi ħdan is-CDU stess.