Ewropa Unjoni Ewropea

“Inaċċettabbli li Nexia BT għadha b’liċenzja” Casa jgħid lill-ġurnalisti internazzjonali

Mill-Arkivji: David Casa jindirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa indirizza seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej li bħalissa qed isir fi Brussell. Is-seminar iffoka fuq theddid għall-libertà tal-istampa fl-UE. Is-seminar ipprovda pjattaforma għad-dibattitu bejn l-MEPs minn gruppi politiċi differenti u ġurnalisti.

David Casa stqarr: “Illum il-ġurnalisti jiffaċċjaw sfidi dejjem akbar. Il-populiżmu qed jiżdied. Aħna ngħixu f’dinja fejn il-verità qed titlef il-valur tagħha. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-ġurnalisti biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Madankollu, il-ġurnalisti jsiru l-aktar vulnerabbli meta jkun hemm l-impunità u ma tittieħed l-ebda azzjoni fuq ir-rivelazzjonijiet li jirrappurtaw – meta l-kriminali li jkunu esponew jibqgħu fil-poter u l-attività kriminali titħalla għaddejja. Huwa f’dan il-mument meta l-ġurnalist isir mira. Meta l-ġurnalist ikun l-aħħar raġel jew mara bejn il-ġustizzja u dawk li jfittxu li jdgħajfuh. Daphne Caruana Galizia kienet waħda minn dawn il-ġurnalisti.”

Casa ddeskriva lil Daphne bħala ġurnalista bla biżà li fehmet ir-rwol vitali li kellha biex iżżomm il-poter taħt skrutinju, f’pajjiż fejn ir-responsabbilità politika kienet dejjem aktar relegata fl-importanza.

Casa ddikjara: “Daphne kienet il-mira ta’ kampanja ta’ mibegħda konsistenti li damet kważi għaxar snin; id-dar tagħha ingħatat in-nar; il-klieb tagħha nqatlu, u kienet ippersegwita finanzjarjament. Fiż-żmien tal-qtil tagħha, Pilatus Bank kien fetaħ kawża tal-iSLAPP kontriha għal ħafna miljuni ta’ dollari f’Arizona. Din il-ġurisdizzjoni ma kellha l-ebda konnessjoni mal-bank u l-ebda konnessjoni mal-ġurnalista. Din il-ġurisdizzjoni ġiet magħżula speċifikament biex ixxekkilha finanzjarjament”.

Casa faħħar l-organizzazzjonijiet bħal Forbidden Stories, u ddikjara li permezz tad-Daphne Project, l-istejjer ta’ Daphne mhux biss baqgħu ħajjin imma kisbu aktar saħħa. Casa qal li dan kien id-deterrent aħħari għall-vjolenza kontra l-ġurnalisti. “Dawk li xtaqu jkissru lil Daphne laħqu l-għan oppost. L-istejjer tagħha issa huma internazzjonali. Hija ngħatat raġun, billi l-istejjer tagħha ġew ikkonfermati, u l-vuċi tagħha qed issir aktar qawwija”, iddikjara Casa.

Casa rrimarka li sar progress f’Malta u indika li l-Bank Pilatus waqaf jaħdem wara li ċ-Chairman tiegħu ġie arrestat fl-Istati Uniti għal ħasil tal-flus. Is-sors ta’ Daphne, Maria Efimova rebħet is-seduta ta’ estradizzjoni tagħha u issa tinsab b’sigurtà mal-familja tagħha, u l-Awtorità Bankarja Ewropea nediet investigazzjoni formali dwar l-awtoritajiet regolatorji Maltin minħabba li ma aġixxewx biex iwaqqfu l-ħasil tal-flus. “Madanakollu l-politiċi li għalihom l-istituzzjonijiet Maltin kienu mdgħajfa, għadhom fil-kariga. U Nexia BT, id-ditta f’Malta li tinsab fiċ-ċentru tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, qed titħalla tkompli topera – mingħajr konsegwenza – minkejja evidenza qawwija tal-involviment tagħha f’attività kriminali. Dan naturalment huwa kompletament inaċċettabbli”.

Casa talab lill-ġurnalisti biex ma jissottovalutawx ir-rwol vitali li għandhom fid-demokraziji tagħhom u li jibqgħu b’saħħithom biex iżommu l-poter taħt skrutinju.