Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-pajjiż għandu dejjem ifittex setturi ġodda u jkun tal-ewwel biex jidħol fihom b’regolamentazzjoni bilanċjata li tattira l-operaturi u tnissel fiduċja fis-serjeta’ tal-ġurisdizzjoni Maltija.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta waranofsinhar għalaq konferenza dwar it-teknoloġija ‘Blockchain’ organizzata mill-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN).
Meta Malta kienet fost tal-ewwel biex tagħraf setturi ġodda u toħloq qafas regolatorju, dan wassal biex ikabbar l-ekonomija u joħloq opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalita’. Adrian Delia qal li dan ġara fis-servizzi finanzjarji u fil-gaming fost oħrajn. Hu qal li fil-programm elettorali tas-sena li għaddiet, il-PN kien diġa’ identifika il-fintech bħala wieħed mis-setturi ġodda biex tiżviluppa l-ekonomija u għaldaqstant, l-Oppożizzjoni tappoġġja l-abbozzi ta’ liġi li jirregolaw dan is-settur u li jinsabu quddiem ill-Parlament u qed tagħti l-kontribut tagħha biex dawn il-liġijiet ipoġġu lil Malta fuq quddiem nett f’din il-mewġa diġitali ġdida.
Min-naħa l-oħra, kompla l-Kap tal-PN, wieħed ma jistax jinjora l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta f’dawn l-aħħar sentejn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers u ħeġġeġ biex il-Gvern jagħmel dak kollu possibbli biex tinkiseb lura r-reputazzjoni tajba ta’ Malta u li jassigura li r-regolaturi ikunu tassew awtonomi u indipendenti minn kull indħil politiku.
Hu tenna li dan is-settur għandu potenzjal kbir u joffri opportunitajiet li jistgħu jinħatfu jekk niżviluppaw politika li tkun flessibbli u li fl-istess waqt tipproteġi r-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni serja.
Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll minn numru ta’ esperti kemm Maltin kif ukoll operaturi internazzjonali.
//= $special ?>