Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Jitniżżlu l-immigranti minn fuq l-MV Lifeline

Il-kaptan tal-vapur se jkun investigat mill-Pulizija

Il-Vapur Lifeline b’233 persuna abbord daħal fil-Port il-Kbir għall-ħabta tas-7.30p.m. wara ħamest’ ijiem bejn sema u ilma minn meta kienu salvati.

Mal-wasla tagħhom, tliet itrabi u mara ittieħdu immedjatament lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura filwaqt li tliet persuni oħra ittieħdu fiċ-Ċentri tas-Saħħa għall-attenzjoni medika.

Il-kumplament se jittieħdu fiċ-ċentru ta’ lqugħ fil-Marsa hekk kif jibda l-proċess ta’ identifikazzjoni u proċessar ta’ talbiet għall-ażil. Eventwalment numru minnhom imorru f’seba’ pajjiżi oħra li aċċettaw li jieħdu numru ta’ immigranti.

Sadanittant, il-Kaptan mistenni jwieġeb mistoqsijiet tal-Pulizija li qed tinvestiga l-każ iżda kelliem għall-NGO Lifeline qal li l-ekwipaġġ ma kiser ebda regolamenti internazzjonali.

Kelliem għall-Organizzazzjoni qal li huma jinsabu kburin li salvaw lil dawn il-persuni u esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-ekwipaġġ kif ukoll apprezzament lejn il-Gvern Malti li fetaħ il-portijiet tiegħu.

Hekk kif il-vapur ittrakka, numru ta’ sostenituri tal-Moviment Patrijotti Maltin firxu banner mas-sur tal-Isla mill-ġnien tal-gardjola.

Oriġinarjament, in-numru kien ta’ 234 iżda raġel kien evakwat lejn Malta xi jiem ilu minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu. Fost il-233 immigrant, kien hemm 17-il mara u ħamest’ itfal.