Lokali

L-aħħar preparamenti għall-maratona ta’ volleyball

Għall-għaxar sena konsekuttiva, se tiġi organizzata l-maratona tal-volleyball fid-Dar tal-Providenza bl-iskop li jinġabru fondi għal din id-dar.

Din is-sena, il-maratona se ssir bejn il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju u b’kollox se jieħdu sehem sitt timijiet li se jkunu qed jilgħabu lejl u nhar.

40 parteċipant se jidħlu għall-isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob kontinwu ta’ volleyball. Fost dawn, Michael Magro u Rebecca Craus.

Father Martin Micallef spjega ma’ Net News l-importanza ta’ din il-maratona.

B’kollox il-maratona se ddum 53 siegha bil-għan li jkomplu jinġabru d-donazzjonijiet biex din id-dar tkompli tkun t’ servizz għal dawk li għandhom bżonna.

Id-Dar tal-Providenza twaqqfet minn Monsinjur Mikiel Azzopardi fl-1965. Din twaqqfet għal persuni b’diżabbilità hekk kif fl-antik ta’ spiss kienu jiġu rredikolati fil-pubbliku jew mibgħuta f’xi sptar li ma jkunx adattat għalihom.

Illum, id-Dar tal-Providenza tilqa’ madwar 115-il persuna, b’uħud jgħixu ħajja indipendenti. Bħalissa qed tinbena dar oħra għal persuni biex jgħixu b’mod indipendenti.

Dis-sena, d-Dar tal-Providenza qed tiċċelebra l-50 sena minn meta Dun Mikiel laqa’ l-ewwel 3 residenti.