Internazzjonali

L-armla ta’ Milosevic ħatja ta’ frodi

Mirjana Markovic, l-armla tal-eks mexxej Jugoslav Slobodan Milosevic, kienet ikkundannata sena ħabs minn qorti f’Belgrad minħabba frodi. Dan fi tmiem proċess li kien ilu sejjer 15-il sena.

L-Ogħla Qorti ta’ Belgrad sabet lil Marovic ħatja li għamlet pressjoni fuq eks Segretarju tal-Gvern, u direttur ta’ kumpanija tal-propjetà tal-Gvern, biex jagħtu appartament tal-Gvern lil neputi tagħha.

Fis-snin disgħajn, Markovic kienet tmexxi l-Partit Jugoslav tax-Xellug u f’parti minnu kien hemm uffiċjali għolja militari u tas-servizzi sigrieti.

Markovic tgħix fir-Russja. Hi kienet ħarbet lejn Moska wara li r-raġel tagħha tneħħa mill-poter f’Ottubru tal-2000. Fl-2005 kien inħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Markovic mill-Gvern ta’ Belgrad.

Imma meta l-Gvern ta’ Belgrad talab l-estradizzjoni tagħha, l-awtoritajiet Russi qalu li hi kienet ingħatat kenn politiku fil-pajjiż.

Ir-raġel tagħha kien spiċċa arrestat fl-2001, u wara Milosevic kien ingħata lit-tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reati tal-gwerra fl-eks Jugoslavja, f’The Hague.

Huwa kien miet waqt li miżmum taħt arrest fl-2006, qabel ma nħareġ il-verdett.