Internazzjonali

L-immigrazzjoni mistennija tiddomina s-summit tal-lum

Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal li jrid is-summit tal-Unjoni Ewropea li jiftaħ il-Ħamis fi Brussell biex jilħaq ftehim fuq tliet miżuri ġodda biex ikun hemm kontroll aħjar fuq l-immigrazzjoni.
Fl-istedina li bagħat lill-mexxejja tal-UE għal dan is-summit, Tusk qal li riedhom jaħdmu l-ħolqien ta’ ċentri għall-immigranti barra l-konfini tal-UE, kif ukoll li jkunu allokati fondi speċifkament biex jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali.

L-aħħar punt hu li jkun hemm aktar xogħol ma’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, bħal-Libja, biex jevitaw li jkunu bażi għall-immigrazzjoni illegali lejn l-Ewropa.

Tusk qal li protezzjoni tajba tal-fruntieri esterni tal-UE kienet xi ħaġa li trid issir u li n-nuqqas tal-UE li tenforza dan minn mindu fl-2015 kien hemm il-kriżi tal-immigrazzjoni wassal biex feġġew gruppi li joffru tweġibiet sempliċi għall-aktar mistoqsijiet ikkumplikati. Dan b’referenza għall-partiti populisti u estremisti. Hu qal li l-periklu kien kbir u ma kienx hemm aktar żmien x’wieħed jaħli.

Is-summit se jiddiskuti wkoll ir-rabtiet fraġli ta’ bħalissa mal-Istati Uniti. Relazzjonijiet li Tusk qal jinsabu taħt ħafna pressjoni minħabba l-politika li biha qed jimxi l-President Donald Trump.
Tusk qal li l-Unjoni Ewropea trid tlesti għall-agħar minħabba l-mod kif qed jimxi Trump, speċjalment fil-qasam tal-kummerċ.