L-Iżvizzera tinsab mal-aħħar 16 minkejja li spiċċat 2-2 kontra l-Costa Rica. Huma kellhom bżonn draw biex jikkwalifikaw u għal darbtejn kienu minn fuq iżda ġew milħuqa mill-avversarji fi tmiem eċċitanti.
It-tim ta’ Petkovic fetaħ l-iskor ftit wara n-nofs siegħa logħob. Stephan Lichtsteiner krossja fil-kaxxa, Breel Embolo niżżel bir-ras lejn Blerim Dzemaili li spara wara Keylor Navas. Ħdax-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-Costa Rica ġabet id-draw b’korner ta’ Campbell li sab lil Kendall Waston li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras skorja l-ewwel gowl għat-tim tiegħu f’dan it-tournament.
Il-kumplament tat-taqsima kienet pjuttost kwieta sakemm l-Iżvizzera reġgħet marret minn fuq fit-88 minuta. Denis Zakaria krossja fil-baxx mil-lemin fil-kaxxa, lejn Josip Drmic li b’konklużjoni fuq il-ġirja fil-baxx għar-rokna għeleb lil Navas.
Iżda minuta wara l-Costa Rica ngħataw penalty mir-referee Clement Turpin wara li Bryan Ruiz twaqqa’ minn Ricardo Rodriguez fil-kaxxa. Iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, Ruiz deher li kien offside mad-daqqa ta’ ras ta’ Waston u d-deċiżjoni nbidlet.
Madankollu huma ngħataw penalty ieħor fil-91 minuta b’fawl ta’ Zakaria fuq Campbell. Ruiz, li hu mistenni jirtira wara t-Tazza tad-Dinja, ra x-xutt tiegħu jaħba mal-mimduda iżda ħabat ma’ ras il-gowlkiper Yann Sommer u spiċċa fix-xibka.
//= $special ?>