Il-klabb tas-Serie A Milan ġie sospiż sena mill-UEFA milli jidħol fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Dan wara li ma rrispettawx il-parametri tal-fair play finanzjarju bi ksur tar-regola ta’ bilanċ finanzjarju.
B’hekk Milan mhux se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA fl-istaġun li jmiss wara li kienu kkwalifikaw bis-sitt post miksub fis-Serie A l-istaġun. Għal dan l-istaġun, Milan kienu kkwalifikaw għall-Europa League.
B’riżultat ta’ din is-sentenza, Milan mistennija jappellaw fit-Tribunal Arbitrali tal-Isport, skont l-artiklu 34 tar-regolament ta’ proċedura tal-Organu tal-Kontroll Finanzjarju għall-klabbs tal-UEFA, kif ukoll skont artikli 62 u 63 tal-istatut tal-UEFA.
Din id-deċiżjoni kienet posposta għal diversi jiem probabbli minħabba l-mod kif kellha tinkiteb is-sentenza. Il-klabb Taljan għandu xorta għaxart jiem ċans biex jappell quddiem it-Tribunal f’Lausanne.
Il-motivazzjoni ta’ din is-sentenza jidher li ddur mal-inċertezza li jiġi rkuprat id-dejn tal-klabb kif ukoll dwar il-figura tal-azzjonist tal-klabb. Dan id-dewmien jista’ jkun utli għal Yonghong Li li bi ftit aktar ħin jista’ jipprova jiftaħ in-negozjati biex isib il-bejgħ tal-maġġoranza. Iżda t-Tlieta filgħaxija jidher li Li bidel fehmtu u jrid iżomm ir-riedni tal-klabb.
B’kawża ta’ din l-esklużjoni, Fiorentina se jkunu t-tim li jieħdu post Milan fl-Europa League. Il-Viola se jidħlu fit-tieni rawnd tal-Europa League flok Atalanta. Huma antiċipaw il-pre-season mill-4 ta’ Lulju għat-2 ta’ Lulju, bl-ewwel leg tat-tieni rawnd mistennija tintlagħab fis-26 ta’ Lulju.
//= $special ?>