Ewropa Lokali

Protesta paċifika lejliet laqgħa tal-Kunsill Ewropew

L-għaqdiet jitolbu tibdil fid-Dublin Regulation

Lejlet laqgħa tal-Kunsill Ewropew li mistenni jiddiskuti l-immigrazzjoni, erba’ għaqdiet mhux governattivi tellgħu protesta paċifika quddiem il-bini tal-Parlament Malti bl-għan li jżidu l-għarfien dwar il-bżonn li tinbidel ir-Regola ta’ Dublin. 

L-organizzazzjonijiet huma KOPIN, SOS Malta, Foundation for Shelter and Support to Migrants, u People for Change Foundation.  Dawn l-organizzazzjonijiet urew it-tħassib tagħhom li l-Kunsill ser jevita li jiddiskuti dan il-bżonn u minflok jiffoka d-diskussjonijiet tiegħu fuq is-sigurta’ tal-fruntieri.

Is-soċjeta’ ċivili qegħda titlob tibdil fid-Dublin Regulation biex b’hekk il-pajjiżi kollha Ewropej ikun jistgħu jaqsmu l-piż ta’ din il-problema.

Id-Dublin Regulation, li ġiet fis-seħħ fl-2003, tgħid li l-pajjiż membru stat tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol persuna li qed tfittex ażil huwa responsabbli biex jeżamina dik it-talba għall-ażil skond il-konvenzjoni ta’ Geneva.  Waħda mit-tibdiliet li jixtiequ jaraw l-għaqdiet, tinkludi t-talba li grupp ta’ immigranti li jaslu fi kwalunkwe port jew pajjiż u jitolbu l-ażil, jiġu mmedjatament mibgħuta f’numru ta’ pajjiżi ewropej fejn imbagħad isir il-proċess tal-isktrutinju tat-talba tagħhom għall-protezzjoni.

Apparti l-protesta fil-Belt Valletta, qed isiru attivitajiet oħra simili fi bliet Ewropej fosthom Brussell u Ruma.