Ewropa Lokali Parlament Saħħa Unjoni Ewropea

Zammit Dimech jinsisti li l-Gvern għandu jagħmel il-labar tal-4mm disponibbli għad-dijabetiċi tat-Tip 1

“Il-gvern għandu b’effett immedjat jagħmel labar tal-4mm disponibbli għad-Dijabete tat-Tip 1. Din hija l-anqas ħaġa li jista’ jagħmel il-Gvern biex itaffi l-uġigħ ta’ bosta pazjenti nkluż dawk tfal peress li l-gvern għadu ma pprovdiex Continuous Glucose Monitor (CGMs) li huma bżonnjużi biex jittieħed id-demm diversi drabi kuljum.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li bagħat it-tieni ittra lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fi 3 xhur. Matul l-aħħar ġimgħat, diversi ġenituri għamlu kuntatt ma’ Zammit Dimech fejn sostna li l-Gvern kien qed jipprovdi biss labar tas-6mm b’xejn, li jfisser li jfisser li pazjenti kienu mġiegħla jixtru l-labar tal-4mm biex ittaffu t-tfal tagħhom mill-uġiegħ.

Zammit Dimech iddikjara li minkejja l-wegħda tal-Gvern li jibda jipprovdi s-CGMs minn din il-leġiżlatura, dawn il-monitors għadhom mhumiex disponibbli b’xejn għal pazjenti dijabetiċi, ħlief għal dawk li jistgħu jaffordjawhom. Għalhekk, il-pazjenti għandhom jittaqqbu bosta drabi kuljum biex jimmonitorjaw il-livell tal-glukożju tagħhom. F’April, Zammit Dimech kiteb ittra lill-Viċi Prim Ministru u lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn talab biex jagħmel disponibbli s-CGMs. Il-Ministru rrikonoxxa biss l-ittra permezz tas-segretarjat privat tiegħu.

Zammit Dimech, li huwa ko-president tal-grupp ta’ ħidma tad-dijabete tal-UE, qal li se jkompli bil-kampanja tiegħu biex jiżgura li d-dijabetiċi Maltin u Għawdxin jingħataw CGMs b’xejn. “Mhux se nieqaf nagħmel il-pressjoni tiegħi fuq il-Gvern Malti biex jiżgura li dawn il-monitors li huma kruċjali għall-pazjenti jkunu disponibbli għal dawk fil-bżonn”.

Fl-ittra tiegħu lis-Sur Fearne, l-MEP Zammit Dimech tenna s-sejħa li saret aktar kmieni dan ix-xahar flimkien mal-MP Mario Galea li l-Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete għandu jerġa’ jiġi stabbilit. “Huwa meħtieġ li tingħata prijorità għolja lid-dijabete speċjalment meta l-inċidenza ta’ dawk li jsofru minnha tammonta għal madwar 10% tal-popolazzjoni Maltija,” żied Zammit Dimech.