L-Erbgħa għal ħabta tas-7.30 ta’ filgħaxija f’Boiler Wharf fl-Isla, trakka l-vapur Lifeline li abbord kellu 233 persuna – dan wara li għamel sitt ijiem jistenna biex tissolva l-kwistjoni bejn l-pajjiżi Ewropej, fejn fl-aħħar il-Gvern Malti aċċetta biex il-bastiment jidħol.
Mal-ewwel kif il-bastiment tħalla jidħol fil-port – tliet itrabi u mara ttieħdu immedjatament lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura filwaqt li tliet persuni oħra ittieħdu fiċ-Ċentri tas-Saħħa għall-attenzjoni medika.
Il-problema dwar l-imigrazzjoni fil-Mediterran feġġet wara li nbidlet l-ammistrazzjoni tal-Gvern Taljan, bil-Minsitru tal-Intern Matteo Salvini jirrifjuta li jerfa’ r-responsabilita’. Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qajjem il-punt jekk il-ftehim li kien fis-seħħ mal-amministrazzjoni tal-Gvern Taljan ta’ qabel – u staqsa jekk kienx ftehim bejn l-istat Malti u dak Taljan, jew inkella bejn Joseph Muscat u Matteo Renzi?
Filfatt qabel ma’ l-vapur ingħata l-permess biex jidħol il-Gvern Malti ħareġ numru ta’ stqarriji bi twissija.
Hekk kif ingħata l-peremess biex jidħol, il-kaptan tal-vapur Lifeline ttieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn hemmhekk ġie interrogat. Hu kien l-aħħar persuna li tniżżel minfuq il-bastiment, u issa mistenni li jiġi rilaxxat mill-Pulizija fuq bail. Madanakollu, mhux eskluż li jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Madanakollu, kelliem għall-NGO Lifeline qal li l-ekwipaġġ ma kiser ebda regolamenti internazzjonali.
Il-bqija tal-immigranti li kienu abbord l-bastiment ġej mill-kontinent Afrikan, ittieħdu fiċ-ċentru ta’ lqugħ fil-Marsa hekk kif sar proċess ta’ identifikazzjoni u proċessar ta’ talbiet għall-ażil. Jidher li sabiex il-bastiment Lifeline tħalla jidħol fl-ibħra territorjali Maltin, kien hemm qbil sabiex l-immigranti li jittieħdu minn Norveġja u seba’ pajjiżi mill-Unjoni Ewropea oħra fosthom Malta.
Fost l-234 immigrant li se jitqassmu hemm 17-il mara u ħamest it-tfal li l-kundizzjoni tagħhom tinsab tajba. L-unika persuna li kellu bżonn jingħata kura kien raġel li kellu ksur fil-polz – madanakollu dan ġie rilaxxat mill-isptar Mater Dei.
Jidher li hekk kif il-vapur itrakka, numru ta’ sostenituri tal-Moviment Patrijotti Maltin firxu banner bil-kliem ‘Stop Human Trafficking’ mas-sur tal-Isla mill-ġnien tal-gardjola.
Issa fil-jiem li ġejjin, hu mistenni li l-immigranti jittieħdu minn 7 pajjiżi Ewropej: Franza, l-Irlanda, l-Italja, l-Portugall, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Belġju u Malta.
Sadattant il-Gvern Malti fi stqarrija ddikjara li bastimenti ta’ entitajiet li l-istruttura tagħhom hi simili tal-MV Lifeline, mhux se jitħallew jużaw iktar lil Malta bħala port minn fejn iwettqu ħidmiethom jew inkella jitilqu jew jidħlu fil-port.
Dan sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet minn awtoritajiet indipendenti li għaddejjin bħalissa wara li l-bastiment MV Lifeline uża bandiera tal-Olanda meta ma kienx reġistrat f’dan il-pajjiż.
Il-gvern Malti qal li ħa din id-deċiżjoni fid-dawl tal-proċessi ġudizzjarji li jista’ jaffaċċja u wkoll biex l-awtoritajiet Maltin ma jkunux kunsidrati li qed japprovaw sistemi ta’ ħidma li jistgħu jiiksru l-liġijiet ta’ pajjiżna u dawk internazzjonali.
//= $special ?>RITRATTI: L-immigranti tal-MV Lifeline jqattgħu l-ewwel lejl f’Malta