Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Gowl ta’ Mina jikkundanna lis-Senegaliżi

Il-Kolombja rebħu dan il-grupp u għaddew għal mal-aħħar sittax tat-Tazza tad-Dinja għall-ispejjeż ta’ Senegal; bil-gowl ta’ Yerry Mina, skurjat kwarta mit-tmiem, jiddeċiedi l-konfront deċiżiv għall-kwalifikazzjoni.

Intant, is-Senegal, li spiċċaw bl-istess punteġġ (4) bħall-Ġappun, kellhom isellmu lil din il-kompetizzjoni wara li rċevew aktar karti sofor mill-Ġappuniżi tul it-tliet impenji ta’ Grupp H.

It-tim Afrikan, immexxi minn Aliou Cisse, kellhom anki l-istess differenza ta’ gowls bħall-Ġappun, iżda l-fattur tal-karti sofor kellu jkun kruċjali għall-aspirazzjonijiet tagħhom. Intant, is-Senegaliżi għandhom għalfejn iħossuhom diżappuntati wara li xeħtu kollox fuq l-attakk fl-aħħar ħinijiet u fejn kienu miċħuda diversi drabi mill-gowlkiper Ospina u sħabu.

L-ewwel taqsima kienet ibbilanċjata u s-Senegal ħasbu li rebħu penalty meta, fis-16-il minuta, l-attakkant tagħhom, Sadio Mane, waqa’ fil-kaxxa wara t-tackle ta’ Davinson Sanchez. Iżda r-referi Serb, Milorad Mazic, ftit wara, iddeċieda (bl-għajnuna tal-VAR) li l-intervent mid-difensur tat-Tottenham kien validu u rtira d-deċiżjoni oriġinali fejn kien ipponta lejn il-ħdax-il metru.

Il-Kolombja, li kienu fetħu l-impenji b’telfa mal-Ġappun, bilfors kellhom jirbħu biex jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni u wara nofs-siegħa huma tilfu s-servizzi ta’ James Rodriguez li sofra injury u ġie mibdul minn Luis Muriel.

Intant, wara bidu kemmxejn kwiet, il-Kolombjani bdew iżidu fil-logħba, b’Muriel ikun ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża Senegaliża.

Fl-74 minuta, wasal il-mument deċiżiv meta Yerry Mina għola tajjeb għall-korner ta’ Juan Quintero, u bir-ras għeleb lill-gowlkiper N’Daye — bil-ballun jaħbat mal-art qabel spiċċa fix-xibka. Dan kien it-tieni gowl tad-difensur ta’ Barċellona fl-aħħar żewġ impenji tal-Kolombja f’dan il-grupp.

Maħsuda mill-gowl, is-Senegaliżi xeħtu kollox fuq l-attakk biex isalvaw punt li kellu jfisser kwalifikazzjoni, iżda l-attakkanti tagħhom ma setgħux jisfruttaw l-ispazji u fl-aħħarnett it-tisfira finali rat lill-Kolombjani jiċċelebraw is-suċċess mistħoqq, fost id-diżappunt ta’ Cisse u l-plejers tiegħu.