Il-Ġappun għaddew għall-fażi tas-sittax minkejja li kellhom ibaxxu rashom, 0-1, kontra l-Polonja, fl-aħħar impenn tagħhom fi Grupp H.
Intant, hu minnu li l-Ġappuniżi, li f’din il-logħba rari urew spirtu avventuruż, għadhom fil-kompetizzjoni minħabba li għandhom rekord dixxplinarju superjuri għal tas-Senegal, biż-żewġ tims jispiċċaw indaqs f’dak li jirrigwardaw punti u gowls.
Fl-aħħarnett, id-differenza bejn il-Ġappun u s-Senegal kienet żewġ karti sofor, bil-plejers Senegaliżi jintwerew sitt karti kontra l-erba għall-Ġappuniżi fit-tliet impenji tal-grupp.
Il-Polonja, li kienu diġà eliminati wara li tilfu kontra s-Senegal u l-Kolombja, urew titjib fuq l-aħħar ħarġiet u wara li fallew milli jsibu x-xibka fl-ewwel taqsima huma marru meritatament fil-vantaġġ bi ġmiel ta’ gowl fid-59 minuta.
Dan wasal meta l-freekick perfett ta’ Rafal Kurzawa sab lil Jan Bednarek żmarkat fil-kaxxa, bid-difensur ta’ Southampton ma jiżbaljax bi ġmiel ta’ volley li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Kawashima.
Il-Ġappun wettqu reazzjoni u fit-72 minuta, Maya Yoshida mar viċin id-draw b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra.
Imbagħad fil-Volgograd Arena ġriet l-aħbar li l-Kolombja kienu marru fil-vantaġġ fil-logħba l-oħra tal-grupp u minn dak il-ħin il-Ġappun u l-Polonja dehru kuntenti li jikkontrollaw il-ballun mingħajr affann huma u jistennew it-tisfira finali.
Għalkemm l-istrateġija kienet riskjuża għall-Ġappun (minħabba l-possibbiltajiet ta’ tieni gowl għall-Polonja u draw għas-Senegaliżi) l-iskor baqa’ ma nbidilx.
Il-Polonja, intant, kienu daħlu għal din il-logħba bil-konferma li saru l-ewwel tim Ewropej eliminat mill-kompetizzjoni u dan ifisser li l-Pollakki ilhom ma jgħaddu mill-ewwel fażi tat-Tazza tad-Dinja għal tliet edizzjonjiet konsekuttivi.
//= $special ?>