Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Lichtsteiner u Schar sospiżi għall-Iżvizzera

L-Iżvizzera se jkunu mingħajr il-captain, Stephan Lichtsteiner, u d-difensur, Fabian Schar, għall-logħba tal-aħħar sittax kontra l-Iżvezja li tintlagħab nhar it-Tlieta fil-belt ta’ San Pietruburgu.

Lichtsteiner u Schar irċevew tieni karta safra mill-bidu tal-kompetizzjoni, fid-draw, 2-2, ma’ Costa Rica li permetta lill-Iżvizzera biex tavvanza għar-round li jmiss.

Iżda waqt li n-nuqqas tal-esperjenza ta’ Lichtsteiner u Schar hi daqqa ta’ ħarta għall-Iżvizzeri, il-manager Vladimir Petkovic ma jiddispjaċihx li lagħab liż-żewġ veterani fl-aħħar impenn fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni meta l-Iżvizzera riedet taċċerta mir-riżultat li kellha bżonn biex tavvanza.

Minkejja li kienu diġà eliminati, Costa Rica taw battikata kbira lill-Iżvizzeri u rnexxielhom jieħdu l-uniku punt fi Grupp E minn dan il-konfront. It-tieni gowl tal-Amerikani Latini wasal fl-aħħar sekondi, meta penalty ta’ Ruiz stampa mal-mimduda, bil-ballun jaħbat ma’ dahar il-gowlkiper Żvizzeru,Yann Sommer, qabel spiċċa fix-xibka.

‘Li ngħaddu għar-round ta’ sittax kien l-għan minimu għat-tim u dan ilħaqnih,’ qal Petkovic. Fl-istess ħin, hu ried jagħmilha ċara li jafda ‘bis-sħiħ’ lit-23 plejer fl-iskwadra u qal li s-sostituti wkoll huma lesti biex jagħtu kontribut fiż-żmien neċessarju.

Bid-draw ma’ Costa Rica, l-Iżvizzera spiċċat it-tieni wara l-Brażil fi Grupp E u evitat konfront mal-Messiku.

Intant, Petkovic għamilha ċara li l-Iżvezja huma avversarju diffiċli ħafna u li l-plejers tiegħu jridu juru titjib kbir fuq l-aħħar wirja ma’ Costa Rica jekk iridu li l-ħolma tkompli.