Tliet irġiel ingħataw sentenza effettiva ta’ ħabs u multa wara li kienu nvoluti f’kuntrabandu ta’ sigaretti, filwaqt li żewġt irġiel oħra nħelsu wara li nstabitx biżejjed evidenza kontrihom.
Fil-lejl tal-10 ta’ Lulju 2013, rondi fuq il-baħar interċettaw dgħajsa tas-sajd Blue Dolphin I, li kienet misjuqa minn Michael Borg ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid. Hekk kif id-dgħajsa trakkat f’Għajn Fekruna f’San Pawl il-Baħar, l-ekwipaġġ ħatt kaxxi minn fuq id-dgħajsa għal ġo vann abjad – iżda hekk kif raw il-Pulizija żewġ irġiel ħarbu jiġru minn fuq il-post.
Il-vann kien misjuq minn żewġ irġiel Anthony Cremona ta’ 47 sena mil-Ħamrun, u Shannon Cauchi ta’ 29 sena mill-Ħamrun – fejn aktar tard instabu f’Santa Venera bil-kaxxi li kienu mgħottija bil-boroż tal-plastik suwed. Fil-kaxxi instab li kien hemm ‘il fuq minn miljun sigarett b’valur li jaqbeż id-€29,870 u taxxa totali stmata li tiswa’ mal-€210,000.
Flimkien mal-kaptan, ġie arrestat baħħar Indonesjan li kien abbord, fejn identifika lil żewġ persuni oħra involuti – Anthony Pisani ta’ 47 sena minn Ħal Safi, u Robert Agius ta’ 34 sena minn San Pawl il-Baħar.
Il-Maġistrat Anthony Vella osserva li mhux biss l-imputati ġew arrestati fuq il-post iżda qablu wkoll il-fingerprints fuq il-kaxxi tas-sigaretti. Anthony Cremona ammetta li kera l-vann apposta għal dan il-għan. Madanakollu, fil-konfront ta’ Anthony Pisani u Robert Agius il-Qorti ma sabitx biżejjed provi kontrihom. Dan fisser li Qorti sabet lil Michael Borg, Anthony Cremona, u Shannon Cauchi ħatja u ingħataw sentenza ta’ tliet snin ħabs effettivi u multa ta’ €488,077.86. Il-kaptan, Michael Borg, weħel multa oħra ta’ €379.
//= $special ?>

