Rappreżentanti tar-residenti f’Pembroke li qegħdin jopponu l-proġett enormi tad-db Group fis-sit tal-ITS ippreżentaw ittra lill-Membri Parlamentari li ġew eletti mid-9 u l-10 distrett. L-ittra kienet ippreżentata lil Evarist Bartolo, Michael Falzon, Clifton Grima, Manuel Mallia, Karol Aquilina, Robert Arrigo, Kristy Debono, Karl Gouder, Marthese Portelli u Marlene Farrugia fi tliet laqgħat separati mal-MPs mill-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku.
Residenti f’Pembroke flimkien ma’ għaqdiet mhux governattivi u l-kunsilli lokali ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan qegħdin imexxu l-kampanja ‘Tidfnuniex Ħajjin’ bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-effetti estremament negattivi li dan l-iżvilupp mostruż propost mid-db Group se jkollu fuq ir-residenti u l-ambjent.
Dawn l-effetti jinkludu dellijiet tqal, twal u permanenti, trab perikoluż, traffiku ma jaqta’ xejn u attività kummerċjali intensa li mhijiex adatta għal żona residenzjali. Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li eżamina d-disinn ta’ dan il-proġett sejjaħlu “sproporzjonat mal-kuntest tiegħu”. Numru rekord ta’ ‘l fuq minn 4,000 oġġezzjoni għall-proġett propost fuq is-sit tal-ITS ġie sottomess lill-PA.
Fil-laqgħa mal-MPs, r-residenti ta’ Pembroke ħeġġew lir-rappreżentati eletti fil-Parlament sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom u jaraw li dawn jiġu qabel l-interessi ta’ min irid jagħmel ħafna qligħ malajr għas-skapitu tal-pajjiż, iċ-ċittadini tiegħu u l-ġenerazzjoniijiet futuri.
//= $special ?>