Internazzjonali

Se jerġa’ jkun hemm is-servizz nazzjonali fi Franza

Il-Gvern Franċiż ressaq pjan biex jibda jkun hemm servizz nazzjonali obbligatorju għal dawk kollha li jkunu għalqu s-16-il sena, kemm jekk subien jew bniet. Il-pjan kien propost oriġinarjament, matul il-kampanja elettorali tal-President Emmanuel Macron.

Is-servizz nazzjonali se jkun mandatorju għal xahar b’enfasi fuq is-settur kulturali u se jkun jinkludi wkoll xogħol tal-karità, tgħalim volonatarju jew taħriġ militari mal-forzi tas-sigurtà. Imbagħad iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jagħżlu jekk iridu jibqgħu għal perjodu ta’ bejn tliet xhur u sena f’qasam marbut mas-sigurtà u d-difiża. Huma se jingħataw ukoll l-għażla biex jagħmlu xogħol volontarju fil-qasam tal-kultura, l-ambjnet jew il-kura soċjali.

It-tir ta’ dan il-pjan hu li jnissel sens ta’ għaqda nazzjonali u sens ċiviku fost iż-żgħażagħ. Il-proġett mistenni jidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, imma s’issa ma tħabbritx data. Dan peress li għad hemm ostakli legali li jridu jingħelbu. Dan partikolarment peress li l-Kostituzzjoni Franċiża tipprojbixxi lill-Istat milli jisforza settur sħiħ tal-popolazzjoni milli jqatta’ żmien barra mid-dar, ħlief f’każi ta’ difiża nazzjonali. Macron hu l-ewwel President Franċiż li ma serviex fil-militar. Il-lieva fi Franza kienet twaq-qfet fl-1996 meta Macron kellu 18-il sena.