Kliem meqjus mill-kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit f’konferenza stampa lejliet l-impenn li t-tim Karkariż għandu llum fis-7.00pm fl-Istadium taċ-Ċentinarju kontra KÍ Klaksvík tal-Gżejjer Faroe, logħba mill-ewwel leg tar-rawnd preliminari tal-UEFA Europa League.
Għall-ewwel darba wara 21 sena, Birkirkara ma spiċċawx mal-ewwel tlieta fil-klassifika, iżda xorta kisbu d-dritt li jikkwalifikaw għal UEFA Europa League wara li temmew fir-raba’ post. Din se tkun it-tieni darba li Birkirkara se tilgħab kontra tim mill-Gżejjer Faroe. Fl-istaġun 2005/2006, Birkirkara kienu lagħbu kontra B36 Torshavn fil-UEFA Champions League fejn kienu eliminati b’aggregate ta’ 5-3.
Il-kowċ Karkariż qal li huma mhux jippreparaw biss għal din il-logħba iżda sostna li klabb irid ikollu l-istruttura u s-setup. Zammit faħħar is-sapport li rċieva mill-kumitat biex ikollu tim u staff kompetittiv kif ukoll dwar il-vjaġġ lejn il-Gżejjer Faroe.
Birkirkara ħadmu bis-sħiħ biex ikollhom tim ta’ kwalità, tant li għamlu 10 akkwisti. Fost dawn hemm il-Maltin Paul Fenech u Michael Mifsud kif ukoll tmien barranin ġodda, bl-uniċi tnejn li baqgħu fit-tim mill-istaġun li għadda huma l-gowlkiper Kristijan Naumovski u Mislav Andelkovic.
Ħafna mill-barranin mistennija jkunu fl-iskwadra llum iżda neqsin għal Birkirkara se jkunu żgur Matthew Guillaumier u Terence Agius filwaqt li Ryan Scicluna u Kurt Zammit huma dubjużi.
Paul Zammit qal li t-tim għandu żewġ problemi partikolari għal dawn il-logħob. Dawn huma l-fatt li f’dan iż-żmien ikun hemm diversi plejers ġejjin u oħrajn li jħallu l-klabb, kif ukoll iż-żmien ta’ meta jilagħbu.
Il-kowċ ta’ Birkirkara għamel referenza għal KÍ Klaksvík fejn qal li fiżikament huma b’saħħithom u aktar superjuri minħabba li diġà lagħbu 15-il logħba fil-kampjonat tagħhom. Huma ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi u fil-kampjonat rebħu 11-il logħba spiċċaw tnejn draw u tilfu tnejn biss.
Id-Direttur Tekniku tal-klabb Michael Valenzia qal li t-tim hu aktar b’saħħtu mis-sena l-oħra iżda saħaq li kważi ma waqfu xejn u dawn iż-żewġ logħbiet f’dan il-mument se jkunu diffiċli.
Preżenti wkoll kien hemm il-captain il-ġdid tat-tim Mislav Andelkovic. Il-midfielder għamel referenza għall-akkwisti li għamel il-klabb u qal li jittama li dawn il-plejers jifhmu li qegħdin hawn minħabba l-impenn tal-plejers tal-istaġun li għadda. Hu jittama li jieħdu dawn il-logħbiet bis-serjetà biex jilħqu wieħed mill-għanijiet tal-klabb.
Mistoqsi dwar l-irwol il-ġdid tiegħu, Andelkovic qal li għalih ma nbidel xejn għaliex se jibqa’ jagħmel l-istess li kien jagħmel qabel, ħlief li jista’ jitkellem mal-plejers aktar.
//= $special ?>