Lokali Qorti

Tieġ jista’ jitħassar wara li l-għarus inżamm arrestat

Il-pjan ta’ koppja li jiżżewġu fi żmien għaxart ijiem aktarx se jitħassar, dan wara li r-raġel inżamm arrestat hekk kif stqarr li mhux ħati ta’ vjolenza domestika quddiem il-Qorti.

Raġel ta’ 39 sena b’passaport mil-Bosnia, iżda jaħdem u residenti il-Ġermanja ġie Malta bl-iskop li jiżżewweġ lill-għarusa tiegħu li tgħix f’pajjiżna. Madanakollu, il-pjan taż-żwieġ tagħhom jista’ jitħassar hekk kif hu tressaq il-Qorti wara argument bejn il-kopja, bil-mara tfittex l-għajnuna tal-Pulizija.

L-ispettur Matthew Spagnol fil-Qorti qal li l-mara daħlet l-għassa tal-Pulizija tirrapporta li l-għarus tagħha kien fis-sakra u kien aggressiv magħha, waqt li żammha mas-sodda u beda jsawwatha ġo wiċċha. Stqarret, li kif kellha l-opportunita’ hi ħarbet minn taħt idejh lejn l-għassa. Meta marru fuq il-post, il-Pulizija sabu lir-raġel rieqed b’riħa qawwija ta’ alkoħol.

Il-Maġistrat tal-Għassa Maris-ann Farrugia ċaħdet it-talba għal-liberta’ proviżorja minħabba l-possibilita’ li l-Bosnijaku jaħrab minn Malta. Fl-aħħar tas-seduta, interpretu għall-akkużat qal li l-koppja xorta għad għandhom l-iskop li jiżżewġu fi żmien ta’ 10 ijiem, iżda ma jistawx minħabba dan l-arrest.

Tags