Futbol Sport

Zach Muscat jingħaqad ma’ US Pistoiese

Zach Muscat (it-tielet mix-xellug)

Id-difensur internazzjonali Malti Zach Muscat se jkompli l-karriera tiegħu fl-Italja wara li laħaq ftehim ma’ Pistoiese. Muscat li ghandu 24 sena, iffirma kuntratt ta’ sentejn.

Il-Kap tat-Taqsima Teknika Federico Bargagna ddeskriva lil Zach Muscat bħala l-plejer li kellu bżonn il-kowċ fid-difiża u qal li hu kuntent li għalqu dan it-trasferiment. Barbagna żied jgħid li Muscat għandu kwalitajiet tekniċi, tattiċi u karatterjali u jinsab ċert li se jkun ta’ gwida għal sħabu.

Zach Muscat esprima l-kuntentizza li laħaq ftehim ma’ Pistoiese. “Jien difensur ċentrali li kapaċi nilgħab f’difiża ta’ tlieta u erbgħa u ninsab ħerqan li nibda l-esperjenza tiegħi bil-flokk oranġjo. Naf li hemm ħafna żgħażagħ u r-responsabbiltà li jien wieħed mill-ikbar ma ddejaqnix, anzi hu stimolu biex nagħti aktar lill-sħabi fit-tim,” qal Muscat.

F’pajjiżna, Zach Muscat lagħab ma’ Pietà Hotspurs u wara ngħaqad ma’ Birkirkara. Id-difensur versatili kompla lagħab fl-Italja għall-ewwel darba ma’ Akragas f’Jannar 2016 qabel ma ngħaqad ma’ Arezzo fl-istaġun ta’ wara. L-istaġun li għadda, Muscat lagħab 31 logħba. Mat-tim nazzjonali, Muscat sa issa laghab 26 logħba u skorja gowl.