Lokali

BIR-RITRATTI: Il-Buskett jitqajjem għal festa tradizzjonali tal-Imnarja

Il-ġonna tal-Buskett għal sena oħra daru f’villaġġ sħiħ ta’ festivitajiet fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pietru u San Pawl, jew inkella, kif magħrufa aħjar, l-festa tradizzjonali tal-Imnarja, li għaliha attendew ħafna nies li kellhom iċ-ċans iduqu ikel tradizzjonali Malti u jaraw in-numru kbir ta’ annimali.

Ta’ kull sena, l-Imnarja tilqa’ mal-eluf ta’ nies, kemm Maltin u barranin. Fuq fomm it-tfal, kollha espremew il-gost li jieħdu meta jmorru l-Imnarja u jaraw l-annimali.

Żona mill-Buskett kienet dedikata għall-mużika folkloristika, l-għana, fejn in-nies preżenti taw is-suġġett li xtaqu li jiġi mkanta. Barra l-ikel tradizzjonali, kien hemm ukoll numru ta’ muturi tal-ħart li jistartjaw bl-idejn.

Wara nofsinhar saret it-tiġrija tradizzjonali taż-żwiemel u l-ħmir fi Triq it-Tiġrija, viċinanza tas-Saqqajja fir-Rabat. Fi tmien it-tiġrija, r-rebbieħa ġew ippremjati mill-Presidenti ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Hi ppremjat kategorija waħda minn numru ta’ kategoriji li ġew premjati.

L-Imnarja hija meqjusa bħala waħda mill-eqdem festi li jiġu ċċelebrati fuq il-gżejjer Maltin. Dan hekk kif din il-festa, li tikkommemora lil San Pietru u San Pawl, bdiet tiġi ċċelebrata minn qabel żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Ritratti: Martin Aguis