SAN ĠILJAN TUM INVEST…..10
NEPTUNES LEO VEGAS………10
(2-2), (2-2), (3-3), (3-3)
Is-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi ta’ San Ġiljan TUM Invest waqqfet għal 45 logħba, meta spiċċaw fi draw ta’ 10-10 f’partita mill-isbaħ li tagħmel riklam sabiħ għall-Waterpolo lokali. Ir-riżultat finali hu wieħed meritat u ma kienx ikun ġust kieku xi ħadd miż-żewġ timijiet spiċċa tellief.
Partita tajba għal diversi plejers, biż-żewġ kowċis ma jagħmlux markament strett bejn iż-żewġ barranin. Għal Neptunes irritorna Stevie Camilleri li kellu partita tajba iżda daqstant ieħor kien tajjeb Ben Plumpton li mmarkah għal ħinijiet twal.
Fatt interessanti kien li San Ġiljan qatt ma kienu minn fuq fil-logħba iżda dejjem għarfu jġibu d-draw. Fi tliet okkażjonijiet irkupraw żvantaġġ ta’ żewġ gowls u għal erba’ darbiet irkupraw żvantaġġ ta’ gowl.
L-ewwel żewġ sessjonijiet kienu kważi kopja ta’ xulxin hekk kif Neptunes ħadu vantaġġ doppju iżda San Ġiljan għarfu jwieġbu b’żewġ gowls minn tagħhom biex daħlu jistrieħu 4-4. Penalty ta’ Stevie Camilleri u gowl mill-qrib ta’ Petar Muslim għamlu l-iskor 2-0, iżda San Ġiljan wieġbu b’gowls minn Peter Borg u Matthew Zammit.
Fit-tieni sessjoni, Jordan Camilleri għamel l-iskor 4-2 b’żewġ xuttijiet preċiżi, iżda lob ta’ Dino Zammit u penalty ta’ Paulo Obradovic ġabu d-draw. Il-bilanċ f’dawn iż-żewġ sessjonijiet kien ukoll fil-man-ups, bit-tnejn jiskorjaw gowl minn tliet okkażjonijiet.
Neptunes reġgħu ħadu vantaġġ doppju, iżda San Ġiljan għamlu l-iskor b’gowl ta’ Paulo Obradovic u Ben Plumpton. Jordan Camilleri għamilhom 7-6 iżda b’nofs minuta għat-tmiem Peter Borg ġab id-draw b’gowl mis-centre.
It-tim ta’ Popovic baqa’ jieħu l-vantaġġ b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri u Jordan Camilleri, iżda f’kull okkażjoni San Ġiljan u sa ftit aktar minn tliet minuti l-iskor kien 10-10. San Ġiljan setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa f’żewġ okkażjonijiet iżda Paulo Obradovic laqat il-lasta.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (1), B. Plumpton (2), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (3), P. Fava, Di. Zammit (2), T. Micallef
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace (1), P. Muslim (2), N. Zammit, S. Camilleri (3), J. Camilleri (4), J. Abela, M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis
Referees: Peter Balzan, Filippo Gomez
VALLETTA VIDEOSLOTS…….8
SIRENS GREENTUBE…………11
(2-2), (2-2), (1-3), (3-4)
Finalment waslet l-ewwel rebħa għal Sirens Greentube li għelbu lil Valletta Videoslots b’distakk ta’ tliet gowls u ħallew lill-avversarji tagħhom mingħajr punt fil-klassifika. Partita pjuttost bilanċjata, iżda meta Sirens marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba, għarfu jżommu l-kontroll fuq il-partita.
Valletta fetħu tajjeb u marru 2-0 minn fuq b’gowls ta’ James Spiteri Staines u Charlie Zammit, iżda Sirens ġabu d-draw b’gowls ta’ Nicolas Bicari u Isaiah Riolo lejn it-tmiem. Il-Beltin reġgħu ħadu l-vantaġġ darbtejn fit-tieni sessjoni, iżda Sirens wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet biex b’hekk it-tnejn daħlu jistrieħu 4-4.
Iżda fit-tielet sessjoni, Sirens ħadu aktar kontroll tal-logħba u wara li marru minn fuq qatt ma ntlaħqu mill-avversarji. It-tim ta’ San Pawl il-Baħar mar 7-4 minn fuq, b’Valletta jnaqqsu d-distakk minn Ryan Mock.
Clint Mercieca għamilhom 8-5, sakemm Valletta skorjaw darbtejn minn Charlie Zammit u Marton Toth u reġgħu fetħu l-logħba. Toth reġa’ skorja wara gowl ta’ Brownrigg, iżda Sirens għalqu l-logħba b’żewġ gowls konsekuttivi biex għamlu l-iskor finali 11-8 b’żewġ minuti mit-tmiem.
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, M. Mifsud, T. Agius, R. Mock (2), D. Paoella, M. Toth (3), N. Farrugia, C. Zammit (2), K. Galea, N. Bonello Ghio, M. Lanzon
Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina (1), N. Bicari (2), M. Grech (1), I. Riolo (3), C. Mercieca (1), J. Sciberras, J. Napier (1), J. Ciantar, L. Caruana, J. Brownrigg (2), O. Gauci
Referees: Ronnie Spiteri, Fabio Brasiliano
Il-kwistjoni tal-goal judges
Fiż-żewġ logħbiet li ntlagħbu kien hemm kwistjonijiet dwar il-goal judges. Fil-partita bejn Valletta u Sirens, ingħata gowl dubjuż għal Sirens mill-goal judge Neville Mercieca, b’Valletta jipprotestaw bl-aħrax għal dan il-gowl, fejn anki protestaw minħabba l-goal judge jiġi ħu plejer ta’ Sirens.
Fit-tieni logħba bejn San Ġiljan u Neptunes l-istess goal judge, inbidel għall-aħħar sessjoni mar-referee Taljan Fabio Brasiliano. Din il-bidla qajmet protesti kbar minn San Ġiljan.
//= $special ?>