Lokali

FILMAT: Turkish Airlines mistennija żżomm l-iskeda ta’ żewġ titjiriet kuljum lejn Istanbul

Ġurnalisti Maltin jiddawru maċ-ċentru ta' taħriġ f'Istanbul

Il-linja tal-ajru tat-Turkija Turkish Airlines mistennija żżomm l-iskeda tagħha ta’ żewġ titjiriet kuljum minn u lejn Istanbul.

Ikkonfermaw dan kelliema tal-kumpanija f’konferenza għall-ġurnalisti Maltin li saret fil-kwartieri tat-Turkish Airlines f’Istanbul.

B’total ta’ 14-il titjira fil-ġimgħa, il-management ta’ Turkish Airlines qal li ġiet innutata żieda ta’ passiġġieri li jużaw Istanbul, l-ikbar belt fit-Turkija, bħala l-bażi biex jivjaġġaw madwar id-dinja.

Is-sena li għaddiet, Turkish Airlines għabbiet kważi miljuni ta’ passiġġieri fuq mijiet ta’ ajruplani li vjaġġaw lejn 306 destinazzjoni mifruxa f’aktar minn 120 pajjiż.

Ġurnalisti Maltin jiddawru mal-faċilitajiet ta’ Turkish Airlines f’Istanbul

Il-kelliema ta’ Turkish Airlines spjegaw mal-ġurnalisti Maltin li meta f’Istanbul jiftaħ l-ajruport il-ġdid, għalkemm se jkun iktar ‘il bogħod minn dak eżistenti, xorta hu mistenni li jonqos il-ħin tat-titjiriet minn Malta lejn Istanbul – u dan minħabba numru ta’ elementi, bħal pereżempju inqas stennija fl-ajru.

Filfatt, l-ajruport il-ġdid ta’ Istanbul – ladarba jitlesta – mistenni jkun l-akbar ajruport fid-dinja b’total ta’ 76 miljun metru kwadru, b’sitt runways u b’kapaċità li jilqa’ mal-200 miljun passiġġier fis-sena.

L-ajruport il-ġdid ta’ Istanbul, li l-ewwel nofs mistenni jibda jopera f’Ottubru li ġej, se jkun qed jara wkoll il-bini ta’ Business Lounge ikbar għall-passiġġieri li jivjaġġa ma’ Turkish Airlines b’biljett ‘business’.

Anke preżentament, passiġġieri li jivajjaġaw b’biljett ‘business’ mal-linja tal-ajru Turkish Airlines, ikun jista’ jibbenefika minn numru kbir ta’ servizzi riservati esklussivament għalihom – fosthom l-użu tal-Business Lounge b’servizzi varji offrui b’xejn – fosthom ikel u xorb.

Meta kienu qed jiddawru fiċ-ċentru tat-taħriġ ta’ Turkish Airlines, il-ġurnalisti Maltin ittieħdu fil-post fejn isir taħriġ għall-Piloti u l-membri tal-ekwipaġġ li jiġu ngaġġati ma’ din il-linja tal-ajru – fosthom permezz ta’ simulators li jimitaw it-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani.

Iċ-ċentru ta’ taħriġ ta’ Turkish Airlines huwa saħansitra attrezzat b’ajruplani ta’ vera li jintużaw speċifikament għat-taħriġ, u kif ukoll pools kbar għal taħriġ marbut ma’ inżul ta’ emerġenza fil-baħar.

Ġewnaħ ta’ ajruplan ta’ Turkish Airlines bil-gżejjer Maltin fl-isfond