Ewropa Knisja Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

FILMAT: Zammit Dimech jaħdem ma’ organizzazzjonijiet lokali biex il-ġlieda kontra l-kanċer tkun prijorità Ewropea

“Għandna bżonn aktar kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex niżguraw li aktar tfal li jesperjenzaw kanċer rari jitfejqu, u għal screening aħjar u biex jiġi identifikat il-kanċer kmieni, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika robusta. Għandna bżonn ukoll li ninvestu aktar fir-riċerka u niżguraw li dawk li jfiequ mill-kanċer u l-familji tagħhom ikomplu jirċievu appoġġ adegwat ladarba jegħlbu l-kanċer.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki waqt Konferenza dwar il-Kanċer li saret fil-Parlament Ewropew. Il-Grupp tal-PPE, l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew li tiegħu Zammit Dimech huwa membru, irid jagħmel il-kanċer bħala prijorità ewlenija tal-UE.

Matul dawn l-aħħar jiem, l-MEP Zammit Dimech nieda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ partijiet interessati lokali u organizzazzjonijiet inkluż il-Moviment Hospice, Europa Donna Malta, il-Fondazzjoni Karl Vella, il-Fondazzjoni Alive Charity, il-Malta Health Network u l-Fondazzjoni Action For Breast Cancer. Zammit Dimech żar ukoll ir-Rainbow Ward fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija ma’ rappreżentanti minn Puttinu Cares. Matul il-konferenza fi Brussell, Zammit Dimech kien akkumpanjat minn Maria Gatt mill-Moviment Hospice u Gertrude Abela minn Europa Donna u ppreżenta l-opinjonijiet imqajma mid-diversi partijiet interessati li ltaqa’ magħhom.

Maria Gatt minn Hospice Movement qalet li filwaqt li l-ġlieda kontra l-eradikazzjoni tal-kanċer għandha tkompli, meta l-kura ma tkunx possibbli, jeħtieġ li jkun hemm għajnuna u appoġġ permezz ta’ kura palljattiva u dik ta’ tmiem il-ħajja f’mumenti diffiċli ħafna għall-pazjenti u l-familji tagħhom. Hija rreferiet għall-Isptar il-ġdid ta’ Kura Pallijattiva mnedija riċentement mill-Moviment Hospice u l-Knisja, u appellat lill-pubbliku għal ġenerożità biex joffri lill-pazjenti kura palljattiva b’dinjità.

Gertrude Abela minn Europa Donna qalet li l-pazjenti bil-kanċer jirċievu ħafna appoġġ matul il-vjaġġ kollu tat-trattament, iżda dawk li jfiequ jeħtieġu aktar appoġġ. Hija qalet li l-organizzazzjoni bħal Europa Donna Malta qed taħdem ukoll f’dan ir-rigward.

Waqt il-konferenza, Zammit Dimech żied li aktar investiment fir-riċerka u l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE huwa meħtieġ f’dan ir-rigward biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża li jinqered il-kanċer. Il-ġimgħa li għaddiet, Zammit Dimech iltaqa’ wkoll ma’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta li bħalissa qed imexxu riċerka dwar il-kanċer, li spjegaw li hemm bżonn ta’ aktar fondi mill-UE biex jinvestu f’tagħmir u biex iwettqu r-riċerka. Zammit Dimech spjega kif il-Grupp tal-PPE qed jinsisti biex ir-riċerka dwar il-kanċer tiġi rduppjata fil-baġit li jmiss.

Waqt il-konferenza, Prof. Dr. Angelika Eggert mid-Dipartiment tal-Onkoloġija f’Berlin qalet li hemm bżonn ta’ programmi speċifiċi ta’ riċerka biex titwettaq riċerka dwar il-kanċer tat-tfal. Hija żiedet li hemm ftit tfal madwar l-Ewropa li jesperjenzaw il-kanċer u għalhekk hemm bżonn ta’ aktar kooperazzjoni tal-UE biex tegħleb sfidi inkluż aċċess limitat għad-drogi.

Zammit Dimech ħabbar ukoll li huwa ngħaqad mal-Grupp ta’ MEPs kontra l-Kanċer u li l-kanċer jibqa’ prijorità ewlenija matul il-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew. “Irrid inkun il-vuċi tal-pazjenti u l-partijiet interessati Maltin u niżguraw li jittieħdu deċiżjonijiet adegwati biex isostnuhom,” żied Zammit Dimech.