Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jiżvelaw li t-tifla ta’ Heinrich Himmler kienet membru tas-servizzi sigrieti

L-Aġenzija Ġermaniża tas-servizzi sigrieti, BND, żvelat li, fis-snin sittin, kienet impjegat lit-tifla ta’ Heinrich Himmler, li kien fost l-aktar uffiċjali qrib l-eksdittatur Nażista Adolf Hitler u avolja hi qatt ma kkundannat in-Nażismu u l-aġir ta’ missierha.

Fil-fatt, Gudrun Burwitz baqgħet attiva fl-estremiżmu tal-lemin u l-konferma li hi kienet taħdem għall-BND kapaċi’ iżżid ‘mat-tagħrbil ta’ kuxjenza’ fuq livell nazzjonali dwar it-tolleranza ta’ diversi Nażisti wara t-Tieni Gwerra.

Is-servizzi sigrieti tal-Ġermanja, fl-aħħar snin, kienu kritikati talli ma ħadux azzjoni xierqa fir-rigward ta’ estremisti tal-lemin fis-snin ta’ wara l-gwerra, bil-BND, issa, tikkonferma li Gudrun Burwitz serviet bħala membru tal-aġenzija (taħt isem ieħor) sal-1963.

Missierha, Heinrich, kien il-kap-kmandant tat-taqsima tal-SS li wettqet uħud mill-agħar atroċitajiet tat-Tieni Gwerra għall-kawża Nażista minbarra li kien ukoll protagonista fil-qtil ta’ sitt miljun Lhud fl-Olokawst.

Heinrich Himmler ikkommetta suwiċidju fl-1945 waqt li bintu, Gudrun, mietet ix-xahar li għadda fi Munich, fl-età ta’ 88 sena.