Internazzjonali

L-Istati Uniti: Reazzjoni ta’ kuraġġ wara massakru ġo kamra tal-aħbarijiet

Il-ġurnalisti u l-membri l-oħra tal-istaff mal-Capital Gazette ta’ Maryland, ippubblikaw xorta l-edizzjoni tal-gazzetta għal-lum, sigħat wara li ħames kollegi tax-xogħol spiċċaw massakrati minn raġel armat waqt li kienu fil-kamra tal-aħbarijiet.

L-attakk, fl-inħawi ta’ Annapolis, ħalla wkoll numru ta’ midruba, iżda l-istaff tal-gazzetta kienu determinati li ‘il-gazzetta toħroġ xorta’ u spiċċaw jaħdmu bla serħan fis-sit tal-kumpless tal-Capital Gazette li hu riservat għall-parkeġġ.

L-aggressur, li kien armat b’senter, spiċċa jispara minn ġo bieb tan-newsroom għal fuq in-nies u wara, spiċċa arrestat mill-pulizija. Waqt li kienet għaddejja l-isparatura, diversi membri tal-istaff ippruvaw jaħarbu waqt li oħrajn bdew jibgħatu l-messaġġi urġenti fuq il-mezzi tal-media soċjali ‘huma u jisimgħu l-ħsejjes tat-tiri’.

Il-pulizija li waslu fuq il-post sabu lill-qattiel, identifikat bħala Jarrod Ramos, qed jistaħba taħt mejda u dan, fl-ebda ħin, ma rreżista l-arrest. Ramos qed ikun akkużat b’ħames għaddi ta’ omiċidju tal-ewwel grad, bir-rapporti jiżvelaw li hu, fl-2012, kien falla f’rikors li ressaq il-qorti kontra l-grupp tal-Capital Gazette dwar allegata malafama.

L-awtoritajiet tal-Pulizija jemmnu li l-isparatura kienet ir-riżultat ta’ ‘pjan speċifiku u premeditat’ minn Ramos ‘li daħal bl-arma, u bil-kalma kollha, fil-bini tal-Gazette fejn beda jfittex il-vittmi’.

Il-pulizija, maż-żmien, evakwat mal-170 persuna mill-bini li tinkorpora diversi entitajiet kummerċjali separati; bl-awtoritajiet anki jeqirdu oġġett suspettuż li nstab fis-sit tad-delitt u li wara kien determinat li kien bomba tad-duħħan.