L-Uffiċjal li qed imexxi n-negozjati tal-UE mar-Renju Unit dwar l-Brexit wissa li fadal ‘id-differenzi kbar u serji’ bejn in-naħat rigward il-ħruġ ta’ dan il-pajjiż mill-Unjoni.
Michel Barnier stieden lin-negozjaturi Britanniċi biex imorru mill-ġdid fi Brussell, nhar it-Tnejn, bil-għan li n-negozjati jaqbdu spinta ‘minħabba li ż-żmien qed jagħfas sew’.
Filwaqt li qed ikomplu t-taħditiet dwar il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ( li għandu jkun konkluz f’Marzu tas-sena d-dieħla) ‘id-destin’ tal-fruntiera Irlandiża għadu qed jitqies bħala intopp sinifikanti. Intant, ir-Renju Unit qal li n-negozjaturi tal-UE qed ifixklu ftehim kruċjali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà wara l-Brexit.
Meta tkellem waqt it-tieni jum ta’ laqgħa għall-Kunsill Ewropew, Michel Barnier qal li filwaqt li l-UE u r-Renju Unit għamlu xi progress fin-negozjati ‘għad hemm diverġenza sostanzjali’ dwar numru ta’ issues, b’mod partikulari fir-rigward tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.
Uħud mid-differenzi jirrigwardaw il-movimenti futuri tan-nies u l-prodotti mill-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża.
Barnier anki qed jittama li jara ‘proposti realistiċi u li jistgħu jkunu realizzati’ min-naħa tal-Britanniċi dwar x’jaħsbu li għandha tkun ir-relazzjoni futura bejn Londra u Brussell.
Barnier reġa’ wissa li ż-żmien ma jistenna lil ħadd u li ‘qegħdin jistinkaw kemm jifilħu lejn ftehim’. Dan meta mistenni li delegazzjoni Britannika tirritorna Brussell, nhar it-Tnejn, bil-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ittenni li ‘forma ta’ sħubija soda ( fil-futur) bejn pajjiżha u l-UE għandha sservi fl-aħjar interessi ta’ kulħadd’.
Theresa May, fis-6 ta’ Lulju, se tlaqqa’ lill-Kabinett għal ‘summit’ kruċjali fejn għandu jkun deċiż il-pjan għar-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

